News

December 22, 2010
Fr. John Abela, OFM – Minister General’s Homily in Maltese

OMELIJA TAL-ĠENERAL TAL-FRANĠISKANI FIL-FUNERAL TA’ PATRI ĠWANN ABELA OFM

Fil-Quddiesa tal-funeral ta’ Patri Ġwann Abela fil-Knisja ta’ Santa Marija Medjatriċi, fil-Kurja Ġenerali tal-Ordni tal-Patrijiet Minuri f’Ruma, li sar fl-20 ta’ Diċembru 2010, Patri José Rodriguez Carballo ofm, Ministru Ġeneral tal-Franġiskani, għamel din l-Omelija.

Għeżież ħuti, il-Mulej jagħtikom is-sliem!

Ftit ġranet biss qabel iċ-ċelebrazzjoni tal-Milied tal-Iben ta’ Alla u Ħuna, il-Mulej tal-ħajja reġa’ deher fostna għal darba oħra, din id-darba fil-ħajja tal-Fraternità tagħna tal-Kurja Ġenerali, biex jieħu miegħu wieħed ieħor minn ħutna, ħuna l-għażiż, Patri Ġwann Abela, li twieled Malta fl-1954, daħal fl-Ordni tal-Patrijiet Minuri fl-1971 u kien ordnat saċerdot fl-1979.

Matul il-jiem tal-marda tiegħu aħna tlabna intensament għalih, u tlabna li jsir miraklu bl-interċessjoni tal-Beatu Ġwanni XXIII. Il-miraklu ma seħħx, almenu skond dak li konna qegħdin nistennew aħna u skond ix-xewqat tagħna. Imma jekk naħsbu sewwa, ikollna ngħidu li l-Mulej – ukoll jekk ma taniex dak li aħna konna qegħdin nitolbu u li konna nixtiequ b’qalbna kollha, jiġifieri l-fejqan ta’ dan ħuna – kien diġà qed jaħdem miraklu akbar, il-miraklu li bih tana dan il-patri twajjeb u ġeneruż.

Patri Ġwann, fil-fatt, kien dan kollu għalina lkoll! Jiena sirt nafu fl-1974, meta wasal Ġerusalemm biex jistudja t-teoloġija fil-kunvent ta’ San Salvatur f’Ġerusalemm, fejn jiena kont ninsab sa minn sena qabel. Fl-1978 aħna infridna minn xulxin, hu reġa’ lura Malta u jiena mort Spanja. Imma fl-1997 il-Provvidenza reġgħet għaqqditna flimkien fil-Kurja Ġenerali, hu fl-Uffiċċju tal-Komunikazzjonijiet tal-Ordni u jiena bħala Definitur Ġenerali. Kienu ħafna s-snin li qattajna flimkien. Konna nafu lil xulxin u konna ninħabba bħal aħwa. Għalija, l-Ħadd 19 ta’ Diċembru, fid-9.30 am, ħallieni ħija, sieħbi fl-istudji u fil-ħajja, ħabib. Minn meta kont sirt nafu, fil-fatt, jiena dejjem kelli relazzjoni mill-qrib u ħbiberija fraterna ma’ Patri Ġwann. Qatt ma kont naħseb li kien se jmiss lili li naqdi dan id-dmir, li għalija hu ta’ niket kbir, ta’ mħabba kristjana u fraternità Franġiskana: jiġifieri li ngħaddih f’idejn Alla.

Għal din il-viċinanza u ħbiberija, li rabbtuni ma’ Patri Ġwann, nista’ ngħid li hu kien bniedem twajjeb, profondament uman, ta’ qalb kbira u ta’ karattru li jħobbu kulħadd; kien Patri Minuri li kien iħobb il-vokazzjoni Franġiskana tiegħu; kien bniedem li skopra l-“grazzja” tax-xogħol; kien professjonista kapaċi li kien jaf tajjeb is-servizz li l-ubbidjenza kienet ħalliet f’idejh, jiġifieri l-arti tal-komunikazzjoni; kien wieħed mill-aħwa li kien dejjem disponibbli biex jgħin, mingħajr ma jagħti kas ta’ orarji jew kundizzjonijiet li fihom kien jiġi mitlub biex jagħti s-servizz l-aktar svarjati, hekk li ma kienx jaħseb fih innifsu, imma pjuttost dejjem fl-oħrajn. Ukoll jekk kien dejjem iħossu ħieles li jesprimi dak li kien jaħseb dwar il-ħajja Franġiskana, u wkoll jekk dawn il-ħsibijiet mhux dejjem kienu jaqblu magħhom dawk li kienu jisimgħuh, hu dan kien dejjem jagħmlu għax imqanqal mill-imħabba lejn il-familja reliġjuża tiegħu. Hekk kien iħoss l-Ordni Franġiskan u l-Provinċja maħbuba tiegħu ta’ Malta, bħala l-familja tiegħu. U din l-imħabba kienet tinħass, anzi kont tmissha b’idejk; għalhekk kulħadd kien jisma’ lil Patri Ġwann bil-qalb u kien jirrispetta l-mod kif kien jaħsibha. Fil-ħajja ta’ Patri Ġwann kien hemm żewġ imħabbiet oħrajn: l-imħabba lejn l-Art Imqaddsa u l-imħabba lejn il-familja tiegħu, partikolarment lejn ommu u lejn ħuh. Għall-Art Imqaddsa iddedika ħafna mill-enerġiji tiegħu, kemm bħala gwida tal-pellegrini, bħala koordinatur tal-formazzjoni permanenti tal-Patrijiet, u billi kien jieħu sehem b’mod attiv fl-iskavi fil-Ġordanja, li kienu mmexxijin mill-ħabib u mgħallem kbir tiegħu, Patri Michele Piccirillo, li wkoll miet ftit aktar minn sena ilu. Għall-familja tiegħu Patri Ġwann kien jaħseb il-ħin kollu, ukoll meta kien fl-isptar, għax xtaq li jtaffi kull tip ta’ tbatija, speċjalment lil ommu.

Fl-Evanġelju li l-Knisja tippreżentalna llum, f’dan il-jum hekk qrib tal-Milied, Marija, l-Verġni Omm, quddiem il-misteru ta’ Alla, tistaqsi: kif jista’ jkun dan? Nistqarr magħkom li l-istess mistoqsija tiġini f’moħħi diversi drabi f’sitwazzjonijiet bħal din, meta jiġifieri l-Mulej isejjaħ għal għandu persuna maħbuba u wieħed mill-aħwa u ħbieb għeżież, u wkoll ta’ età żagħżugħa, bħal Patri Ġwann. Jien ukoll għamilt din il-mistoqsija, b’mod partikulari meta mietet ommi, li wkoll kienet żgħira, u meta mietu Patri Antonio Franjic u Patri Sean Collins, li kienu wieħed Vigarju Ġenerali u l-ieħor Segretarju Ġenerali tal-Ordni, fis-sitt snin li għaddew. It-tweġiba dejjem kienet l-istess: it-toroq tiegħi mhumiex it-toroq tagħkom, il-ħsibijiet tiegħi mhumiex il-ħsibijiet tagħkom (Is 55,8-9). U wkoll: dawn huma tiegħi u jiena rrid li fejn inkun jien ikunu huma wkoll (cf. Ġw 17,24). Iva, għeżież ħuti, mhux dejjem it-toroq tagħna u l-ħsibijiet tagħna jaqblu ma’ dawk tal-Mulej. Mill-banda l-oħra aħna tal-Mulej: kien hu li ħalaqna u aħna tiegħu (Sal 100,3). Hawnhekk aħna ninsabu f’passaġġ, pellegrini u barranin, kif jikteb fir-Regola Missierna San Franġisk (Rb 6,2). Id-dar definittiva tagħna tinsab qrib il-Missier tal-ħniena (2Kor 1,3). Hekk hu għaliex irridu nkunu mħejjija f’kull ħin (cf. Mt 24,44): il-Mulej jista’ jiġi filgħodu, f’nofsinhar jew filgħaxija tal-ħajja tagħna. Dan kollu tfakkarhulna l-mewt ta’ ħuna Patri Ġwann, li skond il-kalkoli tagħna, kien għadu żgħir wisq biex iħallina, jew aħjar, biex jiġi msejjaħ. Tassew, il-ħsibijiet tal-Mulej mhumiex il-ħsibijiet tagħna. Għalina dan hu ż-żmien biex nishru, fil-fiduċja li l-Mulej se jiġi biex isalvana; dan ma jeskludix l-impenn ta’ dawk li jafu li jeħtieġ inħaddmu t-talenti li tagħna l-Mulej (cf. Mt 25,14).

Ħuti, iż-żmien liturġiku tal-Avvent, li dalwaqt nikkonkludu, jippreparana biex infakkru l-ewwel Milied tal-Mulej, imma wkoll l-aħħar miġja tas-Salvatur u tal-laqgħa definittiva tagħna miegħu permezz ta’ oħtna l-mewt. Jalla jsibna disponibbli kif kienet Marija meta ġie jżurha l-Anġlu, hekk li nkunu nistgħu ngħidu bħalha: hawn jien. Jalla l-Mulej, li hu l-muftieħ ta’ David, f’dak il-ħin jiftħilna l-bibien tas-Saltna tas-smewwiet, jiġi u jeħlisna mid-dlam tal-ħażen, kif nitolbu llum fl-antifona maġġuri. Jalla l-Mulej, li jgħidilna li t-tul ta’ ħajjitna hu bħal nifs, jgħallimna ngħoddu l-jiem tagħna biex naslu għall-għerf tal-qalb (cf. Sal 89).

Patri Ġwann miet fil-jum li fih il-liturġija kienet tipproponielna bħala persunaġġ ċentrali l-figura ta’ Ġużeppi, l-għarus ta’ Marija. Bħal kull Malti li twieled ir-Rabat u kiber għad-dell tal-Knisja ta’ San Ġużepp (sic), Patri Ġwann ukoll kellu devozzjoni profonda lejn il-missier legali ta’ Ġesù u l-patrun tal-Knisja Universali, kif ukoll tal-mewta tajba. Lill-Missier tal-ħniena, lil Marija u lil Ġużeppi nirrikmandaw lil ħuna Patri Ġwann Abela. Inħallu f’idejn il-Mulej, li tiegħu hi l-art u kull ma fiha (Sal 23) lil dan ħuna, sabiex ikun jista’ jitla’ fuq il-muntanja tal-Mulej (cf. Sal 23) u jistrieħ fil-paċi tiegħu. Ninqdew bil-kliem tal-Għanja tal-Għanjiet, biex ngħidu li għal Patri Ġwann, wara marda mhux faċli, issa għaddiet ix-xitwa u ntemmet ix-xita, u reġa’ lura ż-żmien tal-għana. Għalih, fil-qieragħ tax-xitwa, diġà dehret ir-rebbiegħa eterna fejn il-leħen tal-gamiema jibqa’ dejjem jinstema’ (cf. Għan 2,8ss).

Għażiż Patri Ġwann, sieħbi u ħabib, b’niket profond, imma wkoll b’fiduċja li ma nistax infissirha fil-Mulej li ħabbek u li sejjaħlek biex tagħmel parti mill-Familja Franġiskana tagħna, jiena u aħna lkoll ngħidulek: il-Milied it-tajjeb fid-Dar tal-Missier. Itlob għalina, filwaqt li aħna nitolbu għalik. Nagħtuk tgħannieqa lkoll kemm aħna.

P. José Rodriguez Carballo ofm, Ministru Ġeneral.

(translated into Maltese by Fr. Noel Muscat OFM)