News

September 23, 2014
Festa S. Franġisk: Messaġġ tal-Ministru Provinċjal

“Ikteb li jiena mbierek lill-aħwa tiegħi kollha li huma fl-Ordni ‘llum, u lil dawk kollha li għad jidħlu fih sal-aħħar tad-dinja…….Ladarba ma nistgħax nitkellem, dgħajjef kif jien u magħfus għall-aħħar mill-mard, fi tlett sentenzi qosra rrid nurihom l-aħħar rieda tiegħi, li hi din: bħala sinjal li huma jiftakru dejjem il-barka u t-testment tiegħi, iħobbu dejjem lil xulxin. Iħobbu dejjem u jħarsu bil-fedelta’ l-faqar mqaddes, is-sinjur tagħna. Ikunu dejjem fidili u sottomessi għall-prelati u l-kjerċi kollha ta’ Ommna l-Knisja Mqaddsa.”(TestSen)

Lill-Gwardjani u l-Aħwa kollha,
Il-Mulej jagħtikom is-Sliem!

Fl-okkażjoni tant għażiża għalina tas-Solennita’ tal-Missier tagħna San Franġisk, nixtieq inġib quddiem għajnejna lkoll, din il-kitba tiegħu msejħa “t-Testment ta’ Siena”, li fiha jiġbor dak li tant kien għażiż għal qalbu. Dak li għalih kien bażiku u li jiġbor fih dak kollu li għandha tkun tfisser għalina wliedu s-sejħa tagħna. Dak ukoll, li fl-istess waqt tant kien ta’ tħassib għalih, anke sa mill-bidu tat-twaqqif tal-Ordni tagħna, jiġifieri l-imħabba tal-aħwa, il-ħarsien tal-faqar imqaddes, u l-ubbidjenza lejn il-Knisja.

Fiż-żmien li fih aħna qegħdin niċċelebraw il-mitt sena mit-twaqqif tal-Provinċja tagħna, nemmen li ma għandnix nieqfu nistgħaġbu u ninkwetaw biss fuq dak li qed naraw, nħossu u ngħixu ‘llum, jiġifieri l-istess problemi, tħassib u preokkupazzjonijiet li San Franġisk kellu matul ħajtu, b’mod speċjali qrib ħafna lejn il-mument tal-passaġġ tiegħu għall-eternita’. Imma dawn l-istess tlett affarijiet tant għal qalbu, għandhom ikunu għal qalbna wkoll, u jixprunawna biex aktar milli ‘nagħmlu’, ‘inkunu’ dak li aħna ġejna msejħin għalih. F’dan il-mument partikolari tal-istorja tal-Ordni, li f’Mejju li ġej jiċċelebra l-Kapitlu Ġenerali, tal-Provinċja tagħna, kif ukoll fl-istorja ta’ kull wieħed minna, għandna nħossu l-bżonn, aktar milli l-obbligu, li kemm individwalment kif ukoll flimkien, naħdmu fuq il-vokazzjoni tagħna, fuq r-relazzjoni tagħna ma’ Ġesu’, il-Mulej u l-Imgħallem tagħna. U dan qabel kull proġett ieħor, importanti kemm huwa importanti.

Meta nagħmlu hekk, ikun imbagħad possibbli għalina li ngħixu dawn it-tlett ideat dominanti tal-ħajja tal-Fqajjar ta’ Assisi. Jeħtieġ bħalu nifhmu li l-Knisja tkun aħjar, l-Ordni jkun aħjar, il-Proviċja tkun aħjar, il-Fraternita’ li ngħix fiha tkun aħjar, l-istess Dinja tkun aħjar mhux jekk jinbidlu l-oħrajn ta’ madwari, imma jekk ninbidel JIEN. U għax aħna bnedmin dgħajjfa u m’aħniex kapaċi, allura t-talba tagħna għandha tkun sabiex ikun Hu li jibdel lilna. Naturalment minn naħa tagħna huwa tal-akbar importanza li nħalluh jagħmel dan billi nikkoperaw Miegħu, kemm bil-ħajja sagramentali tagħna, bil-ħajja tat-talb u tad-devozzjoni tagħna u bis-sehem tagħna sħiħ u dejjiemi f’dawk il-mumenti kollha tal-ħajja tal-fraternita’, kemm lokali kif ukoll Provinċjali.

Għaldaqstant inħeġġeġ lill-aħwa kollha biex nhar is-Solennita’ ta’ Missierna San Franġisk, fl-4 ta’ Ottubru, nissieħbu flimkien fil-Quddiesa li għal dawn l-aħħar snin erġajna bdejna niċċelebraw fl-imkien, fil-Knisja tagħna ta’ Santa Marija ta’ Ġesu’, ġewwa l-Belt Valletta, fis-6.15pm.

Nitlob bil-qawwa kollha u nħeġġeġ lill-Gwardjani kollha biex jieħdu ħsieb jagħmlu dawk l-arranġamenti kollha meħtieġa sabiex l-akbar numru ta’ aħwa possibbli jkun preżenti u jieħu sehem dak inhar.

Waqt li minn qalbi nawgura l-Festa t-tajba lill-aħwa kollha u lill-kull wieħed minna, nitlob li nkunu dejjem denji li tinżel fuqna lkoll mis-Sema l-barka tal-Missier tagħna Franġisku, l-Fqajjar ta’ Assisi.

Mogħtija ‘llum is-17 ta’ Settembru, 2014
Solennita’ tal-għoti tal-Istimmati
ta’ Missierna San Franġisk

P. Richard Stanley Grech ofm
Ministru Provinċjal

P. Joseph Ciappara ofm
Segretarju Provinċjali