News

November 08, 2014
Żjara ta’ kortesija lill-Eċċ. Tiegħu Mons. Isqof Charles Scicluna

Nhar il-Gimgħa 7 ta’ Novembru, 2014, id-Definitorju Provinċjali għamel żjara ta’ kortesija lill-Eċċ. Tiegħu Mons. Isqof Charles Scicluna, Amministratur Djoċesan, gewwa l-uffiċċju tiegħu fil-Kurja Arċiveskovili l-Furjana. Kienet laqgħa kordjali ħafna ta’ madwar tlett kwarti fejn Mons. Scicluna wera li għandu għall-qalbu ħafna l-preżenza u l-ħidma tagħna fid-djoċesi.

Jaf sewwa d-diffikultajiet li aħna wkoll niltaqgħu magħhom fil-ħajja tagħna kemm bħala fraternita’ lokali kif ukoll bħala fraternita provinċjali. Interessa ruħu fix-xogħol li aħna nwettqu u fis-sitwazzjoni tal-vokazzjonijiet tagħna u l-manteniment u r-restawr tal-knejjes tagħna, partikolarment dik tar-Rabat u tal-Belt Valletta. Jifhem ukoll id-diffikultajiet ta’ finanzi sostenibbli li nsibu quddiema kemm biex inlaħħqu mal-ħajja tagħna ta’ kuljum kif ukoll biex nippreservaw il-patrimonju kulturali kbir tal-kunvent u l-knejjes tagħna.

Skużati minn din il-laqgħa kienu Fr. Anthony Chircop ofm li jinsab imexxi pellegrinagg gewwa l-Art Imqaddsa u Fr. Stephen Sciberras ofm li qiegħed jagħmel xogħol ta’ supply gewwa Londra. Din il-laqgħa tawgura tajjeb biex tkompli ‘ssaħħaħ ir-rabta tal-Provinċja tagħna mal-Arċidjoċesi ta’ Malta u r-rispett reċiproku ta’ bejnietna.

Missierna San Frangisk jisħaq ħafna fuq ir-rispett u s-sottomissjoni tal-aħwa tiegħu għall-Knisja u l-Isqof tal-post. Mons. Scicluna ħeggeg għal aktar ko-operazzjoni speċjalment fuq livell personali mad-Djoċesi u mal-Parroċċi.