News

December 15, 2014
Cirkulari Milied 2014

Għeżież ħuti, il-Mulej jagħtikom is-Sliem!
“Oh Ġesu’, ħelwa tarbija, ejja twieled ġewwa fija!” Hekk inkantaw f’dawn il-jiem qaddisa. Imma l-kliem ta’ din l-għanja sabiħa tradizzjonali Maltija għandhom ikunu stedina ġejja mill-qalb li titlob minna l-ewwel nett u qabel kollox li aħna nitbattlu minna nfusna, minn dak kollu li għamel minn qalbna “lukanda”, sabiex wara Ġesu’ jkollu tassew post xieraq fejn ikun jista’ jitwieled mill-ġdid. Hu, “li tneżża minn kollox”, jistenna u jitlob minna lkoll, minn kull wieħed minna, li aħna nagħmlu bħalu, “ninżgħu l-bniedem il-qadim, biex nilbsu Lilu, l-bniedem il-ġdid”.

Għeżież ħuti, nixtieq ħafna li aħna nagħtu dan ir-rigal lil Ġesu’. Hu wkoll qiegħed jitlob minna li aħna wkoll nagħtu lilna nfusna Lilu. Kif darba għamilna meta għarafna s-sejħa li kien qiegħed jagħmlilna u weġibna għaliha. Illum nistieden lilna lkoll sabiex b’ħafna umilta’ nistaqsu “X’sar minnha it-tweġiba tiegħiĊ X’sar minnha l-għotja tiegħi Lilu u lill- fraternita’ lokali u provinċjaliĊ” Hu, li ġie sabiex iwaqqa l-ħitan li jifirduna minn Alla u minn xulxin, jistenna li aħna wkoll, miegħu u bħalu, inwaqggħu l-ħitan kollha li matul is-snin tellajna, ħtija ta’ weġgħat li bihom weġġajna lil xulxin, ħtija ta’ sens ta’ nuqqas ta’ fiduċja reċiproka li wasslitna biex bħal nibżgħu minn xulxin, nibżgħu navdaw lil xulxin. Għotja tagħna sħiħa u bla kundizzjonijiet Lilu, darba għal dejjem, li tissarraf f’għotja sħiħa u bla kundizzjonijiet lil xulxin kuljum, il-ħin kollu. Ejjew ninfetħu għal dan il-Messija li ġej biex jeħlisna minna nfusna. Li ġej sabiex igħinna ninfetħu għal xulxin.

Ilkoll kemm aħna, min ftit u min wisq, għandna nħossu dan il-bżonn ta’ “twelid mill-ġdid” mhux biss ta’ Ġesu’ ġewwa fina u ġewwa ħajjitna, imma wkoll tagħna nfusna. Ejjew f’din is-sena dedikata lill-ħajja kkonsagarata “Nitwieldu mill-ġdid”. Ejjew nagħtu dan ir-rigal lilna nfusna u lill-xulxin, fil-fraternitajiet lokali tagħna u fil-fraternita’ aktar wiesgħa tal-Provinċja u tal-Ordni tagħna. Iva m‘hijiex xi ħaġa faċli. Iva, din titlob minna lkoll kuraġġ kbir. Imma naf ukoll li ma hemmx triq oħra biex nimxu ‘l quddiem u nagħtu ħajja ġdida lis-sejħa tagħna, lill-Provinċja tagħna, lill-fraternitajiet tagħna. U f’din il-mixja għandna magħna il-ħin kollu Lilu, -“Immanuel” – “Ġesu’, Alla magħna”. Ejjew ma nħallux li dawn il-jiem jiġu u jmorru u ma jġibux fina, f’ħajjitna, dik il-bidla għall-aħjar, tant mixtieqha u tant meħtieġha. “Paċi fl-art lill-bndemin ta’ rieda tajba!” Dan huwa kulma jitlob minna Ġesu’, naqra rieda tajba, u jagħmel fina, jagħmel bina “ħwejjeġ kbar”. Ejjew niftħulu l-qlub tagħna! Ejjew ma nibżgħux inħalluh jidħol! Ġesu’ qatt ma jiġi b’idu f’idu! Żgur li għandu għalina żewġ rigali kbar li tant għandna bżonn – il-Paċi u l-Ferħ. Żewġ rigali li nisbuh jagħtina wkoll fil-qawmien tiegħu mill-imwiet. Imbagħad iva, “Meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, naqduh bla biża’, tul ħajjitna kollha, bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu!”

Għeżież ħuti, grazzi mill-qalb lilkom lkoll u lil kull wieħed. Grazzi ta’ dak li intom u ta’ dak li tagħmlu. Ħadd m’hu żejjed. Ilkoll għandna bżonn ta’ xulxin. Is-sejħa tagħna nistgħu ngħixuha biss jekk ngħixuha flimkien. Nawgura minn qalbi l-festi t-tajba lilkom ilkoll u lill-għeżież tagħkom. Inħeġġiġkom ħafna sabiex ilkoll nieħdu sehem fl-attivitajiet lokali u provinċjali li jsiru f’dawn il-jiem, u hekk inkomplu nsaħħu l-għaqda ta’ bejnietna, inwaqqgħu ħitan u nibnu pontijiet. Speċjalment ‘Festa Familja’ li niċċelebraw ta’ kull sena mal-għeżież tagħna ġewwa Porzjunkola, Baħar ċ-Ċagħaq, din is-sena nhar it-Tnejn 29 ta’ Diċembru. Nibdew bil- Quddiesa flimkien fis-6.00pm. Niftakkru wkoll fl-istedina tas-Sorijiet Klarissi, ħutna l-għeżież li jħobbuna tant, u li aħna wkoll iva nħobbu ħafna, sabiex niċċelebraw magħhom il-festa tal-Epifanija nhar is-6 ta’ Jannar, 2015, bil-Quddiesa fis-6.00pm. Nitlob u nħeġġeġ ħafna lill-Gwardjani jagħmlu dawk l-arranġamenti kollha meħtieġa sabiex l-akbar numru ta’ aħwa possibbli jkun preżenti u jieħu sehem f’dawn l- attivitajiet. Minn qalbi nibgħat inselli ħafna għalikom ilkoll u nitlob il- Mulej iberikna.

Illum it-8 ta’ Diċembru, 2014
Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni

P. Richard Stanley Grech ofm
Ministru Provinċjal