News

July 08, 2015
Fostna mill-ġdid!

Fostna mill-ġdid! Bħal kull sena matul ix-xhur tas-Sajf ikollna magħna aħwa tal-Provinċja tagħna li matul is-sena jgħixu, jistudjaw u jaħdmu barra minn Malta. Għal darb’oħra din is-sena wkoll għandna magħna lil Fr. Walter Vassallo ofm li għadu kemm kiseb il-Liċenzja fil-Liġi Kanonika, mill-Università Pontifiċja Antonianum, Ruma. WalterNifirħulu minn qalbna. Kburin ħafna biħ. Fr. Walter, kemm ser idum fostna ser imexxi iż-Żjara Franġiskana li din is-sena ser issir fil-Parroċċa tal-Iklin bejn it-22 u t-30 ta’ Awwissu, 2015. Meta jerġa’ lura Ruma, ser jagħmel kors tal-‘Masters fil-Formazzjoni’ fl-istess Università. Nawgurawlu ħidma fejjieda u mistrieħ.

CiveMagħna wkoll ingħaqdu ħutna Fr. Clive Camilleri ofm u Fr. Ramon Farrugia ofm. Spiċċaw b’suċċess kbir il-ħames sena tal-istudji tagħhom ġewwa l-Università Pontifiċja Antonianum, Ruma. Qabel ma niżlu Malta ttrasferew ħwejjiġhom mill-Kunvent ta’ Nicolo V għal dak ta’ Gregorio VII fejn ser ikunu alloġġjati minn Ottubru li ġej. Imbagħad wara ftit jiem ta’ mistrieħ ġewwa Milan irritornaw lura Malta. Fr. Ramon qiegħed bħalissa jagħmel ix-xahar ta’ preparazzjoni spiritwali bi tħejjija għall-Professjoni RamonSolenni li ser jagħmel ġewwa Ħ’Attard fis-7 ta’ Settembru li ġej. Kemm idumu fostna l-istudenti tagħna, waqt li jgawdu l-familji rispettivi tagħhom sejrin jagħtu wkoll għajnuna fiż-Żjara Franġiskana imsemmija aktar il-fuq. Naturalment ikun hemm ukoll żmien fejn jingħaqdu mal-fraternità tagħna tar-Rabat, li hija l-Fraternità tal-Formazzjoni.

JosephMAktar tard dan is-Sajf jirritorna lura biex jingħaqad magħna mill-ġdid ħuna Fr. Joseph Magro ofm li għal dawn l-aħħar erba’ snin u fuqhom kien responsabbli mill-Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Kurja Ġenerali. Għamel xogħol siewi ħafna u kien strumentali tant li żgur li ser jinħass ħafna n-nuqqas tiegħu fil-Kurja Ġenerali. Kienet esperjenza sabiħa għalih ukoll għax kellu l-opportunità li jżur bosta Provinċji mad-dinja kollha u kien preżenti għall-okkazjonijiet kollha importanti tal-Ordni bħal ma kienu fosthom il-Kunsill Plenarju tal-Ordni li sar fil-Polonja u l-Kapitlu Ġenerali li għadna kemm iċċelebrajna. Fr. Joseph ofm jinsab ħerqan ħafna li jkompli bil-ħidma pastorali tiegħu fostna. Il-preżenza u l-ħidma tiegħu fostna huma ferm mistennija u żgur li l-esperjenzi li kiseb barra minn Malta ser ikunu ta’ fejda għalina.

JosephCL-aħħar u mhux l-inqas nifirħu lill-ħuna Fr. Joseph Ciappara ofm li għadu kemm temm b’suċċess kbir kors fil-Protezzjoni Ċivili. Ġie l-ewwel fost ir-rekluti kollha li ħadu sehem u kiseb iċ-ċertifikat fil-Passing Out Parade li saret ġewwa Ħal Far aktar kmieni dan ix-xahar. Barra li huwa ħafna attiv ukoll fl-iScouts, Fr. Joseph li huwa wkoll is-Segretarju Provinċjali, ser ikompli l-istudji tiegħu għad-Dottorat fl-Iskrittura Mqaddsa f’Ottubru li ġej ġewwa l-Università ta’ Malta.

Lill-dawn ħutna kollha nifirħulhom mill-qalb u nawgurawlhom kull suċċess fil-ħidma tagħhom fil-għalqa tal-Mulej, li hija minn kif wieħed jista’ jara, mhux biss kbira imma wkoll varjata.

zjaraAppell tal-aħħar. Mill-ġdid inħeġġu l-aħwa kollha sabiex bi ħġarhom jieħdu sehem fl-attivitajiet li għandna organizzati għax-xhur li ġejjin, jiġifieri il-ħarġa tat-3 ta’ Awwissu, iż-Żjara Franġiskana f’Awwissu wkoll u l-Professjoni Solenni tas-7 ta’ Settembru. Aktar informazzjoni tingħata aktar il-quddiem. Inħeġġu ħafna lill-gwardjani biex jagħmlu dawk l-arrangamenti kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-akbar numru ta’ aħwa jkunu preżenti u jieħdu sehem. Grazzi.

Fr. Richard S. Grech, OFM
Ministru Provinċjal