News

August 12, 2015
Iċċelebrata l-Festa ta’ Santa Klara

It-Tlieta 11 ta’ Awwissu, fil-Monasteru tal-Klarissi f’San Ġiljan ġiet iċċelebrata l-festa ta’ Santa Klara, b’quddiesa kkonċelebrata minn Mons. George Bugeja, OFM, Isqof Koadjutur tal-Vigarjat Appostoliku ta’ Tripli, flimkien ma numru sabiħ ta’ patrijiet, Sorijiet, is-Sorijiet Klarissi u bosta ħbieb u benefatturi tal-Monasteru.

Waqt l-omelija tiegħu Mons. George tkellem fuq li Alla bħal ma ġara lil Klara, jkellem lil qalbna u dan kien possibli għaliex hi tgħarset ma Ġesù u għarfitu.  Hu qal li kien hemm imħabba partikolari għal dan Alla u għalhekk importanti li anke jien ikolli imħabba bħal din.  Hu kompla billi spjega “Xi jfisser għalija l-Mulej Ġesù. X’se intih?” Alla kull ma jrid hu l-imħabba tagħna, bħal ma għamel ma Klara. Hu temm l-omelija tiegħu billi qal li din hija festa li ttina l-qawwa, dik l-istess qawwa li ta lil Klara, għalhekk importanti li niftħu qalbna għall-imħabba tal-Mulej, l-istess bħal ma għamlet Klara.

Fl-aħħar tal-quddiesa l-Madre Sr. Rose Therese Ellis bdiet billi tirrakonta li wara l-maltemp previst, is-sbuħija ta’ temp li ħareġ huwa miraklu ta’ S. Klara.  Hija kompliet billi rringrazzjat lil kulħadd tal-presenza, imma ukoll lil dawk li matul is-sena jkunu ta’ sapport għalihom.  Il-Madre qalet li:  kull nifs jużawh biex jitolbu għal dawk kollha li jitolbuhom biex jitolbu għalihom permezz ta’ kull komunikazzjoni possibli. Il-Klarissi qatt ma jinsew lil ħadd u qedin fil-qalb ta’ kulħadd. L-ikbar grazzja hija s-sejħa li għadna u għalhekk ma nistgħux nieqfu nirringrazzjawh u għalhekk huwa mportanti li ż-żgħażagħ ma jiddejqux jgħidulu ‘iva’.  Hija spiċċat billi tgħid li wieħed mix-xogħol tagħhom huwa li jdewqu s-sbuħija tal-Mulej lil kulħadd.

Wara l-Provinċjal ipprezenta Baklu f’isem il-Provinċja lill-Isqof George u qallu li l-Baklu għandu jkun wens għalik waqt il-missjoni tiegħek!