News

August 22, 2015
Ordinazzjoni Episkopali: Ċirkulari tal-Isqof Mario

Għeżież,  L-aħbar li wieħed minn ħutna, Patri George Bugeja OFM, ġie msejjaħ biex ikun Isqof Koadjutur ta’ Tripli, fil-Libja, ġiet milqugħa fostna fi spirtu ta’ talb, għad-dell ta’ Ommna l-Madonna Ta’ Pinu. L-istess Spirtu li xeħet id-dell tiegħu fuqha, għadu jixħet id-dell tiegħu fuq il-Knisja u fuq ir-ragħajja tagħha fil-qadi tal-missjoni tagħhom. Flimkien ma’ ħutna l-Insara fil-Libja, li ta’ kuljum jgħixu l-fidi tagħhom f’ċirkustanzi diffiċli minħabba s-sitwazzjoni ta’ pajjiżhom, aħna lkoll irringrazzjajna lil Alla li jibqa’ jżur lil uliedu bid-don ta’ dawk li, fuq il-passi tal-Appostli, jibqgħu jwasslu sat-trufijiet tal-art l-aħbar ċerta li Ġesù Kristu hu l-Mulej li qam tassew mill-imwiet.

Hu għalhekk li jien inħeġġeġ lill-miġegħma Nisranija fi gżiritna biex tħejji ruħha għall-Ordinazzjoni Episkopali ta’ ħuna Patri George, li ser issir nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Settembru fis-Santwarju Ta’ Pinu, fis-6.30pm. Persważ li l-isbaħ rigal li l-magħżul ta’ Alla jista’ jirċievi mingħand ħutu huwa l-għożża tat-talb lil Alla biex ibierek, iqaddes u jikkonsagra lil dan il-qaddej tiegħu. Għaldaqstant, f’dawn il-jiem xieraq li noffru t-talba tar-Rużarju skont din l-intenzjoni, u li nhar il-Ħamis li ġej, 27 ta’ Awwissu, fit-8.00pm, nattendu bi ħġarna għall-Velja ta’ Talb li ser issir fil-knisja parrokkjali tax-Xagħra. Fuq kollox, nagħmel appell lill-kleru u lill-Insara tad-Djoċesi biex dakinhar tal-ordinazzjoni nattendu bi ħġarna, biex ngħixu dan il-mument qawwi ta’ talb li fih Patri George ser jiġi kkonsagrat isqof.

L-imħabba tagħna għandha wkoll tintwera billi nagħmlu ġest ta’ karità lejn il-komunità li qed tiġi afdata lill-isqof il-ġdid. Għal din ir-raġuni, ngħarrafkom li l-Ħadd 30 ta’ Awwissu l-ġabra li ssir fil-quddies kollu fil-knejjes tad-Djoċesi tagħna ser tmur b’riżq ħutna l-Insara ta’ Tripli. Dan ikun sinjal tal-imħabba tal-aħwa li għandha ssaltan bejn il-komunitajiet Insara.

Nafdaw lil ħuna Patri George taħt il-kenn tal-Madonna Ta’ Pinu, li fi ħdanha qed iqiegħed il-ministeru l-ġdid tiegħu, sabiex ikun ragħaj li b’qalb paterna u materna jirgħa l-poplu ta’ Alla lejn il-mergħat ta’ dejjem.

illum, is-Sibt 22 ta’ Awwissu, Tifkira tal-Verġni Mqaddsa Marija Reġina.

+ Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex