News

August 31, 2015
Professjoni Solenni: Fr. Ramon Farrugia OFM

F’din is-Sena tal-Ħajja Kkonsagrata, il-Provinċja tagħna l-Patrijiet Franġiskani Maltin, b’ferħ tħabbar il-Professjoni Solenni ta’ Fr. Ramon Farrugia OFM fl-Ordni tal-Patrijiet Minuri, li ser issir nhar it-Tnejn 7 ta’ Settembru 2015 fis-6.30pm fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Marija, Ħ’Attard. Il-Velja ta’ talb bi preparazzjoni, ser issir flimkien mas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesu’, nhar il-Ħadd 6 ta’ Settembru 2015 fis-7.30pm ġewwa l-Knisja Santa Marija tal-Anġli, Baħar iċ-Ċagħaq.

Fr. Ramon twieled Haż-Żabbar fis-26 t’April 1986, u hu t-tielet mill erba ulied ta’ Raymond Farrugia u Ines Buttiġieġ. Tgħammed fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Gejtanu il-Ħamrun fejn serva bħala abbati. Attenda il Museum fil-Parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni l-Ħamrun fejn irċieva l-ewwel tqarbina u l-Griżma tal-Isqof. Ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-iskejjel tal-Freres; St. Benilds tas-Sliema u Stella Maris College il-Gżira. Minn hemm kompla bl-istudji tiegħu ġewwa l-Junior College l-Imsida. Flimkien mal-familja tiegħu, Ramon għex għal 11-il sena l-Ħamrun u tnax-il sena H’Attard sakemm beda l-mixja tiegħu lejn il-ħajja kkonsagrata.

Fis-sena 2006 ingħaqad mal-grupp Animazzjoni Missjuarja Teresa Nuzzo tas-Sorijiet Ulied il-Qalb ta’ Ġesu’ u flimkien ma’ grupp ta’ voluntiera żar u ħadem għal ftit ġimgħat fil-Missjonijiet tagħhom tal-Kenya (2006), tal-Indja (2008) u tat-Tanzanija (2009). Fr. Ramon iħoss li kien permezz ta’ dawn l-esperjenzi ta’ volontarjat fil-missjoni, li huwa ħass is-sejħa għal ħajja kkonsagrata. Wara li ġie lura mill-Kenja, Ramon ħadem ukoll għal xi żmien fl-Uffiċċju Missjunarju tal-Belt, li jħoss li kien ta’ għajnuna kbira biex jgħinu jibda jifhem ftit iżjed il-missjoni kbira tal-Knisja.

Kien fis-sena 2009 li Fr. Ramon kellu l-ewwel kuntatt mal-Patrijiet Franġiskani, u ftit xhur wara li beda bl-esperjenzi f’kunventi differenti tal-Provinċja, daħal bħala Postulant fid-29 ta’ Settembru 2009 fil-Knisja Santa Marija ta’ Ġesù ir-Rabat, fejn għex din l-ewwel sena ta’ formazzjoni. Fis-6 ta’ Settembru 2010 ingħata it-tonka franġiskana ġewwa l-Knisja ta’ San Franġisk il-Ħamrun u l-għada tela Assisi għas-sena tan-Novizzjat ġewwa s-Santwarju Franġiskan ta’ San Damjan.

Fr. Ramon għamel l-Ewwel Professjoni tiegħu nhar il-5 ta’ Settembru 2011 ġewwa l-Knisja Parrokjali tal-Madonna tas-Sacro Cuor tas-Sliema. F’Ottubru ta’ l-istess sena beda l-istudji tal-Filosofija u tat-Teoloġija ġewwa l-Università Pontificia Antonianum. Tul dawn is-snin tiegħu f’Ruma, Fr. Ramon serva bħala katekista fil-Parroċċa Franġiskana ta’ Gregorio VII, għen fil-“mensa dei poveri” tal-Comunità Sant’ Egidio, li tikkonsisti fi tqassim ta’ ikel lill-fqar, u għal dawn l-aħħar sentejn serva fil-“Piccola Casa della Divina Providenza”, li hi dar tal-Cottolengo għal persuni b’diżabilità. Fr. Ramon ingħata il-Ministeru tal-Lettorat nhar il-15 ta’ Settembru 2013 fil-Knisja ta’ Santa Marija tal-Anġli, f’Baħar iċ-Ċaghaq u l-Ministeru tal-Akkolitat nhar id-9 ta’ Settembru 2014 fil-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù il-Belt Valletta.

Filwaqt li nawgurawlu, nitolbu għalih u għal aktar vokazzjonijiet franġiskani.