News

September 07, 2015
Velja ta’ talb bi preparazzjoni għall-Professjoni Solenni

Il-Ħadd 6 ta’ Settembru, saret velja ta’ talb bi preparazzjoni għall-Professjoni Solenni ta’ Fr Ramon Farrugia ofm, ġewwa l-Knisja ta’ Santa Marija tal-Anġli, Baħar iċ-Ċagħaq, immexxija mill-Ministru Provinċjal P. Richard S. Grech, OFM. Fr. Ramon ser jagħmel il-Professjoni Solenni t-Tnejn 7 ta’ Settembru fil-Parroċċa ta’ H’Attard.

Din il-velja kienet partikulari għaliex saret flimkien mas-Sorijiet Franġiskani (Sr Shanti Perbo, Sr Phylace Kerubo, Sr Elaine Spiteri u Sr Clara Pirotta) li huma ukoll se jagħmlu l-Professjoni Solenni fil-jiem li ġejjin. Kien mument mill-isbaħ fejn il-Familja Franġiskana ngħaqdet flimkien fi spirtu ta’ talb għal dawn il-ħames żgħażagħ li ser jagħtu ħajjithom b’mod sħiħ lil Alla.

Minn qalbna nawguralhom li jkunu tassew persuni t’Alla, perseveranza qaddisa u ħidma fejjieda fl-għalqa tal-Mulej.  Hekk kif ninsabu fis-Sena ddedikata lill-Ħajja Kkonsagrata nkomplu nitolbu sabiex aktar żgħażagħ iwieġbu għas-sejħa tal-Mulej. Ad Multos Annos!!!