News

September 27, 2015
Ċirkulari Festa ta’ Missierna San Franġisk

Reġa’ magħna għal darb’ oħra l-jum għażiż għalina lkoll li fiħ niċċelebraw mhux daqs tant il-mewt tal- Missier tagħna Franġisku ta’ Assisi, imma d-dħul u t- twelid tiegħu għall-ħajja ta’ dejjem. Dan għandu jkun għalina lkoll u għal kull wieħed minna, jum ta’ grazzja u okkażjoni tajba sabiex immorru għall-għeruq tas-sejħa tagħna u ta’ dak kollu li jagħmilna dak li aħna.

Kif naqraw fil-liturġija ta’ dan il-jum, f’din id-dinja ma hemm xejn ta’ siwi “ħlief li nkunu ħolqien ġdid” (Gal. 6). Stedina sabiex kemm fuq livell personali individwali, kif ukoll fuq livell ta’ Fraternita’ lokali u Provinċjali, niġġeddu. Niġġeddu fit-tweġiba tagħna għall-grazzja tas-sejħa li għamlilna l-Mulej Ġesu’ biex nimxu warajħ u nkunu tiegħu. Stedina biex nintelqu kompletament f’idejĦ u hekk inħalluħ ibiddilna fiħ. Dan jista’ jseħħ biss jekk aħna, fuq l-eżempju ta’ Missierna San Franġisk, immutu għalina nfusna, sabiex ingħixu biss għaliħ. U dan mhux darba biss, jew okkażjonalment, imma kuljum, il-ħin kollu. Tkun tassew ħasra għalina, jekk wara li nkunu ħallejna kollox biex nimxu warajħ, wara li nkunu “poġġejna idejna fuq il-moħriet”, inħarsu lura! Kuljum aħna lkoll imsejħin biex “nibdew mill-ġdid”. U dan flimkien, ta’ aħwa li aħna. Aħna wkoll imsejħin biex inkunu kull wieħed minna “Alter’Christus” – Kristu ieħor.

Din hija x-xewqa u t-talba tiegħi għalina lkoll. Dan huwa l-awgurju tiegħi fil-Festa ta’ Missierna San Franġisk din is-sena. Sena speċjali ddedikata lill-Ħajja Konsagrata, imma li fiha wkoll iċċelebrajna il-Kapitlu Ġenerali tal- Ordni tagħna bit-tema Fratres’et’Minores’in’Nostra’Aetate. Inħeġġeġ ħafna mill-qalb sabiex l-Aħwa kollha jkunu preżenti u jieħdu sehem fil-Quddiesa li niċċelebraw kull sena fil-Knisja tagħna ta’ Santa Marija ta’ Ġesu’ ġewwa l-Belt Valletta, li din is-sena ser imexxiha ħuna Mons. Isqof George Bugeja ofm. Ejja ma nħallux dan il-jum igħaddi mingħajr ma “nsiru ħolqien ġdid”!