News

December 15, 2015
Ċirkulari Milied 2015

Tlett qaddisin il-bogħod minn xulxin fl-ispazju u fiż-żmien, imma li għandhom spiritwalita’ komuni għal xulxin. Tlett qaddisin li għandhom tifsira u importanza speċjali għalina Franġiskani Maltin. San Pawl, San Franġisk u San Ġorġ Preca. Tlett qaddisin li baqgħu mistgħaġba mhux daqstant quddiem id- Divinita’ ta’ Ġesu’, daqskemm quddiem l-Umanita’ tiegħu. Kif dan Alla isir bniedem bħalna, wieħed minna. Kien dan li wassal lil Missierna San Franġisk biex għamel l-ewwel presepju ġewwa Greccio. Kien għalhekk ukoll li San Ġorġ Preca waqqaf il-purċissjoni tal-Bambin fl-lejl qaddis tal-Milied.

Tul iż-żmien iżda, jiddispjaċini ngħid, kemm il-presepju kif ukoll ix-xbiha tal- Bambin ġewwa il-maxtura saru biss oġġetti li nżejnu bihom jew li nħarsu lejhom biss mill-aspett artistiku tagħhom. Tilfu biex ngħid hekk, hafna jekk mhux għal kollox, mit-tifsira reliġjuża u spiritwali tagħhom. Jeħtieġ għalhekk, b’ħafna umilta’, kif jitlob minna dan iż-żmien qaddis, niskopru mill-ġdid is- sinifikat veru u profond kif ukoll l-iskop oriġnali tagħhom, u bħar-ragħajja u s- slaten magi nersqu b’devozzjoni u nħarsu bil-għajnejn tal-fidi waqt li nikkontemplaw din ix-xbiha ta’ Alla magħmul Bniedem għalina. Nħarsu u naraw biex minnu nitgħallmu mill-ġdid ir-riċetta, kif isejħilha San Ġorġ Preca, ta’ kif nilħqu l-milja tas-sejħa tagħna għall-ħajja, jiġifieri li nagħrfu l’Alla, nħobbuH u naqduH f’din id-dinja, sabiex wara mewtna mmorru ngawduH għal dejjem fis-Sema. Forsi mhux dan huwa l-bidu u l-iskop aħħari ta’ kollox?

U l-ewwel ingredjent f’din ir-riċetta li jgħallimna Ġesu’ Bambin huwa r- RAŻAN anke fis-sens aktar wiesgħa tiegħu ta’ ĊAĦDA. Hu li hu Alla, tneżża minn kollox u ħa n-natura ta’ bniedem, ta’ lsir. Hu, Sid u Sultan tal-Ħolqien kollu, ma kellux fejn imidd rasu, ma kienx hemm wisa’ għalih la fil-belt ta’ Betlem u lanqas fil-lukanda! Ġie ġewwa daru u niesu ma laqgħuhx! Forsi mhux minnu li aħna, wlied Franġisku l-Fqajjar ta’ Assisi, għandna ħafna bżonn li nerġgħu niskopru u nħaddnu dan il-valur, dan ir-rigal mill-ġdid fil-ħajja tagħna ta’ kuljum? Forsi mhux minnu li minkejja l-Vot tal-Faqar li aħna għamilna, aħna m’aħniex ngħixu ħajja ta’ rażan u ta’ caħda kif mitlub u mistenni minna lkoll?

Ingredjent ieħor f’din ir-riċetta huwa s-SKIET. Qegħdin ngħixu f’dinja ta’ storbju, ta’ ħsejjes, ta’ aljenazzjonijiet ġewwa fina u barra minna, li qegħdin joħonqu l-leħen t’Alla. Bħan-nies ta’ żmien l-ewwel Milied, aħna wkoll

għamilna minn qalbna u mill-kunventi tagħna lukanda li fiha ma hemmx aktar wisa’ għal Ġesu’. Dan l-istess Ġesu’, li jitwieled barra l-belt, il-bogħod mill- istorbju, infittxuħ u nsibuħ biss fejn hemm is-skiet u l-ġabra. Ma nistgħux infittxu u nsibu lil Dak li hu ħaj, lil Dak li twieled f’dan il-“Lejl ta’ Skiet”, qalb il- mejtin, qalb dawk li aktar milli qegħdin igħixu, mingħajr ma jafu qegħdin biss jeżistu minn jum għall-ieħor għax tilfu kull sens u skop tal-ħajja tagħhom, li Alla waħdu jista’ jagħti. Hemm bżonn li aħna lkoll niskopru mill-ġdid is- sbuħija ta’ ħajja ta’ skiet u ġabra.

It-tielet u l-aħħar ingredjent li insibu f’din il-ġrajja li sejrin niċċelebraw fil-lejl qaddis tal-Milied huwa il-FERĦ. Dak il-ferħ kbir li ħabbru l-anġli. Il-ferħ li ġej mill-fatt li Alla żamm kelmtu u bagħtilna Salvatur, lil Ibnu “Alla magħna”. Ferħ mhux kif tagħtihulna d-dinja, li jiżvinta u jintemm, imma ferħ li jibqa’. Ħafna huma dawk li f’dawn il-jiem jieħdu ħafna “pjaċir” bir-rigali li jagħtu u jaqilgħu, bl-ikliet u l-festi li jorganizzaw. Bit-tiżjin u bil-kant tal-Milied. Imma kemm huma dawk li tassew “jifirħu” mhux daqstant bil-ħwejjeġ li jgħaddu u jintemmu maż-żmien, imma b’Dak li waħdu hu minn dejjem u jibqa’ għal dejjem, imwieled minn Marija, “Bidu tal-Ferħ taħna”?

Għeżież ħuti, dan huwa l-awgurju tiegħi għalina lkoll, għall-qraba u l-ħbieb tagħna, għall-benefatturi tagħna. Kemm nixtieq li aħna taħt is-sigra tal-Milied, mar-rigali li nagħtu lil xulxin, insibu u niftħu dawn ir-rigali li din it-Tarbija ta’ Betlem iġġibilna magħha kull sena! Kemm nixtieq u nitlob li lkoll kemm aħna nħaddnu u ngħixu dawn ir-rigali matul is-sena. Rigali li jagħmlu minna persuni kkonsagrati awtentiċi! Kemm għandu bżonn il-bniedem ta’ llum din ix-xhieda ta’ preżenza ħajja u ferriħija! Preżenża tassew Evanġelika u fil-veru sens tal-kelma Franġiskana. Niftakkru wkoll, speċjalment f’dawn il-jiem, f’dawk li għal xi raġuni jew oħra isibuha diffiċli biex jifirħu. Jeħtieġ aħna wkoll inkunu hemm għalihom. J’Alla li dan il-Milied ikun għalina mument ta’ grazzja li jimmarka bidu ġdid fil-ħajja tagħna kemm personali kif ukoll bħala fraternita’ lokali u provinċjali. Imbagħad iva nistgħu ngħidu li tassew is-sena li ġejja tkun Sena Ġdida.