News

December 17, 2015
Delegat għal-ħajja kkonsagrata

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech ħatar lil P. Marcello Ghirlando, OFM bħala d-Delegat tiegħu għall-Ħajja Kkonsagrata għat-tliet snin li ġejjin.

P. Marcello għadu kemm temm iservi bħala Vigarju Ġenerali tal-Vigarjat Appostoliku ta’ Tripli, fil-Libja. Fil-preżent, jinsab residenti fil-fraternità ta’ Għawdex f’Għajnsielem.

B’Dottorat fit-Teoloġija Biblika mill-Università Pontifiċja Gregorjana ta’ Ruma, P. Marcello Ghirlando huwa Professur tal-Iskrittura Mqaddsa fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta kif ukoll fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex.

Huwa serva bħala Kummissarju Malti għall-Art Imqaddsa, Kunsillier Provinċjali tal-Ordni f’Malta, Gwardjan ta’ diversi komunitajiet, Delegat Provinċjali tal-Missjoni fil-Libja, kif ukoll Rappreżentant tas-Santa Sede fil-Konferenza Internazzjonali dwar id-Djalogu bejn Iżrael u l-Palestina u fil-Konferenza ‘Libya for the Future’.

Huwa wkoll eżorċista u awtur ta’ bosta pubblikazzjonijiet u studji oħra ta’ natura Biblika.