News

August 08, 2016
Żjara Franġiskana – Esperjenżi

Ġimgħa wara li ġiet fi tmiema ż-Żjara Franġiskana fil-Parroċċa ta’ San Ġużepp Ħaddiem B’Kara, uħud mill-missjunarji ħallew l-esperjenża tagħhom fuq mument partikolari li ħassew li kien ta’ importanza għalihom u li għen fl-andament taż-żjara.

Illejla mistennija Evalwazzjoni ta’ din l-esperjenza ġewwa ċ-Ċentru San Franġisk il-Ħamrun.

Ħidma mal-kappillan u mal-helpers

Sibna ħafna kollaborazzjoni minn naħa tal-kappillan, Fr. Josef Mifsud, mill-Viċi kappillan Fr. Anthony Fitzpatrick u l-helpers li huma sabu biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet materjali tagħna. Konna niltaqgħu ta’ kuljum mal-kappillan u ma’ Fr. Anthony biex nitkellmu dwar l-andament taż-Żjara. Il-helpers kienu dejjem ikunu qabilna u jispiċċaw warajna.

Din is-sena P. Walter u Fr. Ramon raqdu fid-dar parrokkjali flimkien mal-kappillan, Fr. Josef Mifsud. Laqagħhom b’idejh miftuħa.

Lectio Divina fil-Familji

Nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Lulju jiena Sr. Anne Marie kont involuta f’waħda mill-Lectio Divina li saret fil-familji. Fil-familja li aħna morna, kellna grupp ta’ għaxar min-nies li ipparteċipaw b’mod sħiħ waqt dan il-mument ta’ talb. Kienet esperjenza sabiħa ħafna anke għall-fatt li bl-għajnuna ta’ Fr. Clive jiena ġejt mogħtija l-esperjenza li nagħti sehemi b’mod aktar attiv waqt dan il-mument ta’ talb.

L-esperjenza li twassal il-Kelma t’Alla lin-nies tatni entużjażmu ġdid li bih qiegħed jgħinni biex jiena nuża din il-forma ta’ talb iktar spiss fil-ħajja tiegħi. Il-ferħ u l-entużjażmu li bih laqgħuna l-familja li konna għandha kien diġa’ biżżejjed biex jimlieni bil-kuraġġ. Din kienet l-ewwel esperjenza tiegħi li nkun qiegħda ngħin fit-tmexxija ta’ din it-talba u warajha naħseb li b’kuraġġ kbir nitħeġġeġ biex nerġa’ nagħmilha.

Laqgħa tal-adoloxxenti

Il-Ġimgħa filgħodu sar seminar għall-adoloxxenti li ser jirċievi l-Griżma tal-Isqof fil-parroċċi ta’ San Ġużepp Ħaddiem u Sta Liena. Kien mument interessanti ħafna kemm għall-adoloxxenti li ltqajna magħhom u wisq aktar għalina. Waqt il-ħin tal-attività l-adoloxxenti kellhom ikunu kreattivi u joħolqu siġra permezz tat-tpinġija. Hawn ħarġu d-differenzi fl-għażliet tagħhom u l-modi differenti ta’ kif huma ħadmu flimkien.

Hekk ukoll is-sejħa għall-ħajja reliġjuża, hija għażla fost il-ħafna oħrajn. L-adoloxxenti kellhom ħin biex jistaqsuna dwar il-ħajja ta’ patri u soru. Naħseb li dan il-mument għinna nsiru nafu aktar min aħna u għinna lilhom biex ineħħu xi ideat żbaljati li forsi setgħa kellhom dwarna. (Sr Matlene)

Il-Penitenzjal

Il-mument tat-talb waqt il-penitenzjal kien wieħed li saħħaħ il-ħidma kollha fi ħdan din il-parroċċa. Meta wieħed jitkellem dwar il-maħfra kbira t’Alla jista’ jagħti l-kas li min qed jisma’ jiddubita xi ftit, però permezz tas-sagrament tar-rikonċiljazzjoni li seħħ waqt dan il-mument, setgħet tinħass il-paċi u s-serħan ta’ kull persuna. Kien hemm parteċipazzjoni sabiħa min-naħa tal-parruċċani u dan kien għalina ta’ kuraġġ.

Liturġijja u Żjajjar fid-djar

Jien Sr Anita-Jane matul din il-gimgha taż-Żjara Franġiskana għent b’mod attiv fl-animazzjoni tal-Liturġija tas-Sigħat. Kif wkoll fiż-żjajjar fid-djar. L-animazzjoni tat-talb fil-knisja parrokkjali għeni biex nirbaħ il-biża’ u b’iktar kuraġġ immexxi lin-nies, li mhux soltu jitolbu din it-talba, b’mod aktar kalm.

Iż-żjajjar fid-djar kienet esperjenza li għenitni mmiss ir-realtà tan-nies, spiss imweġġa’ u li tinsab f’diffikultajiet kbar. Kelli wkoll l-esperjenza li nakkumpanja lil P. Joseph Magro fit-tqarbin lill-morda fid-djar. Hawn laqtitni l-ħerqa li urew dawn l-anzjani filli jistennew l-Ewkaristija biex ikunu jistgħu jitqarbnu.

Laqgħa mal-KPP

Kienet ix-xewqa tal-kappillan, fr Josef Mifsud, li niltaqgħu mal-Kunsil Pastorli Parrokjali. Il-Laqgħa bdiet b’mument ta’ talb fejn urejna video b’parti mill-ħajja ta’ San Franġisk, il-mument fejn San Franġisk sema’ lil Alla jkellmu biex imur u jibni l-Knisja tiegħu. Wara dan il-mument qasir Fra Ramon qasam ftit ħsibijiet dwar il-ħajja ta’ San Franġisk u kif nistgħu nattwawhom fil-ħajja tagħna. Wara ftit mumenti ta’ skiet tlabna lil kull membru tal-Kunsill biex jiktbu talba għall-bzonnijiet tal-Parroċċa ujqiegħduha ġo envelop li kien imqiegħed ħdejn is-salib ta’ San Damjan. L-aħħar li poġġa t-talba kien il-Kappillan li għalaq enevelope.

Dawn it-talbiet ġew mogħdija lis-Sorijiet Klarissi biex fl-interċessjoni tagħhom għaż-Żjara jpoġġu anka dawn l-intenzjonijiet partikolari huma u jresquhom quddiem Ġesù. Kien mument sabiħ ħafna. Wara għexna mument ta’ Fraternità flimkien b’ikla fil-qasam tal-M.U.S.E.U.M. tas-subien stess. (sr Elaine)