News

September 25, 2016
Ċirkulari fis-Solennta’ ta’ San Franġisk

Fl-okkażjoni tal-Festa ta’ San Franġisk il-Ministru Provinċjal P. Richard S. Grech, OFM ħareġ cirkulari lil Patrijiet kollha fejn tkellem fuq dak li għaddejna minnu dan l-aħħar kif ukoll dwar l-attivitajiet li għandna bħala Provinċja kif ukoll dwar id-disponibilità ta’ wħud bil-patrijiet li se jagħtu s-serviżż tagħhom barra minn Malta.


Is-Solennita’ tal-Missier tagħna Franġisku hija fl-istess waqt stedina u okkażjoni, mument ta’ grazzja sabiex aħna lkoll flimkien għal darb’ oħra niffukaw fuq is-sejħa tagħna u kif aħna qed inwieġbu għaliha. F’dan il-Ġublew tal-Ħniena, ma’ Franġisku u bħal Franġisku nagħnnu l-ħwejjeġ kbar li għamel magħna l-Mulej!

U tassew għandna għalfejn nroddulu ħajr mhux biss għal dak li diġa’ għamel magħna, iżda wkoll għal dak li għad baqgħalu x’jagħmel magħna. L-Imħabba u l-Ħniena tiegħu magħna, personalment u bħala Provinċja, ma taqta’ qatt, minkejja id-diffikultajiet li nħabbtu wiccna magħhom. Anzi għax nemmnu u nafu li Hu jinsab dejjem magħna, aħna ninsabu dejjem taħt il-ħarsien tiegħu, u għalhekk imqar l-istess diffikultajiet u provi li Hu jippermetti li nesperjenzjaw f’ħajjitna, mhux biss huma parti integrali mill-mixja tagħna lejĦ u warajĦ, imma Hu saħansitra jinqedgħa bihom biex aħna aktar nissaħħu fil-fehma u fir-rieda tagħna li inkunu dejjem aktar tiegħu b’mod dejjem aktar sħiħ.

Għadhom friski f’moħħna il-mumenti ta’ grazzja li kellna fostna il-Ministru Ġeneral tal-Ordni tagħna flimkien mad-Definitorju Ġenerali għat-Tempo Forte kif ukoll l-okkażjoni ferm sabiħa u unika tal-Professjoni Solenni ta’ ħuna Fra Clive Camilleri OFM f’idejn l-istess Ministru Ġeneral u fil-preżenza ta’ numru kbir u sabiħ ta’ aħwa kemm mill-Provinċja tagħna kif ukoll tista’ tgħid minn madwar id-dinja, fosthom is-Segretarji tal-Missjoni u Evanġelizzazzjoni tal-Provinċji tal-Konferenza tal-Lingwa Ingliża.

Imma aħna nkomplu b’kuraġġ inħarsu ‘l quddiem lejn okkażjonijiet oħra ferm importanti li jien inkompli narahom u nsejħilhom bħala mumenti ta’ grazzja għalina lkoll. Insemmi s-Solennita’ ta’ Missierna San Franġisk li flimkien niċċelebraw ġewwa l-Belt Valletta nhar l-4 ta’ Ottubru, il-pellegrinaġġ tal-Ġublew tal-Ħniena li sejrin nagħmlu flimkien fis-17 ta’ Ottubru ġewwa l-Imdina, li fiha ser tingħata l-ittra tal-konvokazzjoni tal-Aħwa għaċ-ċelebrazzjoni tal-Kapitlu Provinċjali Intermedju li ser nagħmlu f’Mejju 2017, u l-Ordinazzjoni Djakonali ta’ ħutna Fra Ramon Farrugia OFM u Fra Clive Camilleri OFM fit-28 ta’ Ottubru. Għal dawn l-okkażjonijiet inħeġġeġ ħafna lill-Gwardjani u lis-Superjuri Lokali biex jagħmlu minn kollox b’mod li l-Aħwa kollha jkunu preżenti u jieħdu sehem.

Nieħu din l-okkażjoni sabiex nrodd ħajr ukoll u nsellem lil dawk ħutna li mqanqlin mill-Ispirtu, reċentement wieġbu b’ġenerożita’ kbira għas-sejħa tiegħu sabiex ikunu ta’ għajnuna għal entitajiet oħra tal-Ordni tagħna. P. Albert Micallef OFM li ser jingħaqad mal-Fraternita’ ta’ Nicolo’ V ġewwa Ruma, u P. Charles Grech OFM li ser jingħaqad mal-Fraternita’ ta’ St. Jane Francis ġewwa l-Kanada, it-tnejn tal-Immaculate Conception Province tal-Amerka. P. Stephen Sciberras OFM li ser jingħaqad mal-Fraternita’ ta’ Stratford ġewwa Londra, parroċċa tal-Kustodja Ingliża, u P. Raymond Camilleri OFM li talab li jmur l-Art Imqaddsa. Il-Provinċja tagħna għalkemm żgħira fin-numru imma dejjem kellha qalb kbira u ġeneruża kif jixhed in-numru tant sabiħ ta’ aħwa li fl-imgħoddi ħadmu u ‘llum ukoll għadhom jaħdmu barra minn art twelidna f’artijiet kemm qrib kif ukoll il-bogħod sewwa, u jiena nemmen li meta l-Mulej jara’ dan, ikompli jibgħatilna aktar u aktar vokazzjonijiet. Aktar ma’ nkunu ġenerużi ma’ min huwa fil-bżonn, aktar u aktar ikun ġeneruż il-Mulej magħna.

J’Alla ħuti maħbubin, ilkoll kemm aħna nagħmlu tagħna l-kliem ta’ Missierna San Franġisk, “Jeħtieġ nibdew nagħmlu xi ħaġa. Għax s’issa għadna ma għamilna xejn!” Dan bl-ebda mod ma għandu jitqies bħala ċaħda ta’ dak kollu li sar qabel, anzi waqt li “inħarsu lura bi gratitudni, u ngħixu l-preżent b’entużjażmu”, nilqgħu din l-istedina, dan l-inkoraġġiment, sabiex inħossu u nemmnu li sakemm għadna ħajjin, qatt ma huwa tard wisq biex ilkoll flimkien nibdew mill-ġdid, u nkomplu b’idejna fuq il-moħriet, iħarsu ‘l quddiem lejn Ġejjieni bil-Fiduċja! Paċi u Ġid!

Mogħtija ‘llum 17 ta’ Settembru, 2016
Festa tal-Għoti tal-Pjagi ta’ Missierna San Franġisk

Fra Richard Stanley Grech ofm
Ministru Provinċjal u qaddej tagħkom

Fra Joseph Ciappara ofm
Segretarju Provinċjali