News

October 18, 2016
Pellegrinaġġ Provinċjali fis-sena tal-Ġublew tal-Ħniena

It-Tnejn 17 ta’ Ottubru l-Provinċja Franġiskana organizzat Pellegrinaġġ fis-sena tal-Ġublew tal-Ħniena.  Għaliħ kienu mistiedna, l-għaqdiet, il-fratellanzi u n-nies li jiltaqgħu fil-Knejjes tagħna l-Franġiskani. It-Tema li intużat kien il-kliem tal-Papa Franġisku: “Il-ħniena hi l-ewwel attribut ta’ Alla. Hi l-isem ta’ Alla. Ma hemm l-ebda sitwazzjoni li ma nistgħux noħorġu minnha, m’aħniex ikkundannati biex negħrqu fir-ramel.”

Il-programm beda fil-5.30pm b’mument ta’ adorazzjoni fis-silenzju fil-Knisja ta’ Sta. Marija ta’ Ġesù, Rabat. Fis-6.15pm beda pellegrinaġġ lejn il-Katidral u 6.45pm ġiet ċċelebrata Quddiesa fil-Katidral tal-Mdina mmexxija mill-Ministru Provinċjal Fr. Richard S. Grech li huwa ħeġġeġ ħafna li ma ninħlewx fuq l-atti reliġjużi biss imma hemm bżonn li ngħaddu għal dak li huwa spiritwali.  Huwa tkellem fit-tul fuq l-importanza li nagħmlu esperjenza ta’ Ġesù fil-ħajja tagħna u għalhekk huwa qal li n-nies ma jridux jisimgħu jżjed fuq Ġesù tal-kotba imma fuq Ġesù tal-esperjenza tal-ħajja tagħna.

Wara l-quddiesa l-Provinċjal ikkonvoka l-Kapitlu Provinċjali Intermedju, billi ta’ ittra ta’ konvakazzjoni lil kull Patri, l-ittra tal-Ministru Ġeneral li ħareġ fl-okkażżjoni tal-Festa ta’ San Franġisk, kif ukoll Ktieb tal-ħajja ta’ San Franġisk li nstabet dan l-aħħar ta’ Fra Tumas min Celano meqluba għall-Malti minn P. Noel Muscat OFM.