News

December 11, 2016
Ċirkulari Milied 2016

Fl-aħħar laqgħa li Mons. Charles J. Scicluna, Arċisqof ta’ Malta, kellu mas-saċerdoti djoċesani u reliġjużi, ġewwa s-Seminarju tal-Virtu’ r-Rabat, nhar l-Erbgħa 30 ta’ Novemberu 2016, qasam il-ħsibijiet tiegħu ma’ dawk preżenti fuq l-Ittra Apostolika tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku fi tmiem il-Ġublew tal-Ħniena, Misericordia et Misera tal-20 ta’ Novembru 2016, Festa ta’ Kristu Re, u fuq id-diskors Tiegħu waqt il-Konvenju Internazzjonali Għall-Pastorali Vokazzjonali mniedi mill-Kongregazzjoni Għall-Kleru fil-21 ta’ Ottubru, 2016. Din is-sena xtaqt li nwasslilkom ftit mill-ħsibijiet li qasam magħna Mons. Scicluna. Ħsibijiet li huma rilevanti ħafna biex inġibu fil-ħajja tagħna ta’ nsara u ta’ persuni konsagrati, dik il-bidla għall-aħjar, dik il-qabża fil-kwalita’ tal-ħajja tagħna ta’ Franġiskani li dan iż-żmien qaddis tal-Avvent jitlob minna lkoll bi tħejjija għall-Festa tal-Milied Imqaddes. Festa li għalina bħala wlied il-Fqajjar t’Assisi għandu jkollha tifsira speċjali.

U l-bidla li jitlob minnha dan iż-żmien, mhijiex waħda biss temporaneja jew kosmetika, qisu bħall-armar u t-tiżjin ta’ dawn il-jiem, li wara li jgħaddi kollox, jintrefa’ fil-kaxxi għal sena oħra. Imma bidla permanenti, dejjiema, radikali, ta’ persuni, li għax għamlu u qegħdin kontinwament jagħmlu esperjenza ħajja u qawwija tal-Imħabba u tal-Ħniena ta’ Alla murija lilna fil-Persuna ta’ Ibnu Ġesu’, ħallew din il-Kelma ta’ Alla titnissel fihom u għax jgħixuha kuljum, kuljum jwellduha mill-ġdid, kif jgħidilna l-Missier tagħna Franġisku. Irridu naslu fejn wasal San Pawl u bħalu ngħidu, “Mhux aktar jien qiegħed ngħix, imma Kristu qiegħed jgħix fija!” (Gal. 2, 20)

Mons. Arċisqof tkellem fuq il-ħniena. Il-ħniena li għandna nuru l-ewwel u qabel kollox magħna nfusna. Jeħtieġ li b’ħafna umilta’ nammettu li aħna għandna l-limiti tagħa, umani u spiritwali. Li aħna għandna bżonn nuru ħniena magħna nfusna u nieħdu ħsieb sewwa s-saħħa tagħna fiżika, mentali u spiritwali. Nammettu magħna nfusna li aħna m’aħniex awtosuffiċċjenti. U hawnhekk wissa’ kontra n-nasba tas-suppervja fina li ma tħallinhiex nieqfu u nfittxu għajnuna f’waqta’, forsi anke qabel ma’ l-affarijiet jilħqu jidħlu ‘l ġewwa ħafna. Ma’ nista’ qatt inħeġġeġ biżżejjed sabiex aħna lkoll nfittxu li nagħmlu esperjenza tal-Imħabba u tal-Ħniena ta’ Alla b’mod partikolari fis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjioni, fid-Direzzjoni Spiritwali, fl-Irtiri tax-xahar u tas-sena u f’okkażjonijiet oħra ta’ Formazzjoni Permanenti.

Imbagħad għadda għall-ħniena li għandna nuru bejnietna. Il-mod kif inġibu ruħna ma’ xulxin. Il-mod kif nitkellmu fuq xulxin. L-għajnuna li għandna nagħtu lil xulxin. Li nsibu ħin għal xulxin, speċjalment fil-mumenti tal-mard u fin-nuqqas ta’ saħħa. Ġentilment nitlobkom tippermettuli b’ħafna mħabba u rispett nħeġġeġ ħafna sabiex ilkoll kemm aħna nimpenjaw ruħna bis-sħiħ biex regolarment inżuru l-anzjani tagħna ġewwa Domus Pacis, jew dan l-aħħar anke fl-isptar. “Kont marid u ġejtu żżuruni”, jgħidilna Ġesu’ (Mt. 25, 36). “Dak li għamiltu ma dawn, għamiltuh miegħi!” (Mt. 25,40) “Jaqaw m’hux dan is-sawm li jiena rrid, jiġifieri, ….. u n-nies ta’ darek ma tinsihomx” (Iż. 58, 6-7)

Fl-aħħar Mons. Arċisqof tkellem fuq il-ħniena li għandna nuru mal-oħrajn, ma dawk ta’ madwarna l-ewwel, mingħajr ma’ nieqfu hemm imma. Fl-għażla tagħna għal min huwa fqir u batut. Favur min huwa mwarrab f’soċjeta’ tal-konsum li ma għandhiex wisa’ għal min huwa insinifikanti f’għajnejn il-bnedmin, imma għażiż u prezzjuż f’għajnejn Alla. Fir-rakkont tal-Milied naraw kif l-Iben t’Alla twieled mhux fl-istorbju tal-belt ta’ Betlehem, mimlija daqs bajda minħabba ċ-ċensiment, okkażjoni biex wieħed jagħmel naqra negozju tajba u jdawwar lira, kif konna ngħidu fl-imgħoddi. Twieled il-bogħod mill-istorbju u l-ġeġwiġija. Dak li ma kellux fejn imidd rasu, mhux biss issellef qabar wara mewtu, u fi twelidu issellef ukoll għar u maxtura, imma fittex il-pubblikani, il-midinbin, in-nisa tat-triq, il-morda, in-nagħaġ il-mitlufa tal-Poplu ta’ Alla. F’kelma waħda fittex lill-emarġinati u dawk kollha li qed jgħixu fil-periferija ta’ ħajjitna.

Għeżież ħuti, fit-tħabbira tal-Arkanġlu Gabrijel lill-Marija Santissima, fit-tħabbira mill-anġlu tal-Mulej fil-ħolm lil San Ġużepp, fit-tħabbira tal-anġli lir-ragħajja fil-lejl qaddis tal-Milied, Alla jistedinna sabiex ma nibżgħux iżda nifirħu għax Alla bagħat lil Ibnu Ġesu’ biex ikun għalina Salvatur u Immanuel, Alla magħna. Dan huwa l-awgurju tiegħi għalina lkoll, għall-familjari tagħna u għall-benefatturi tagħna. “Glorja ‘l Alla fil-għola tas-smewwiet, u Paċi fl-art lil bnedmin ta’ rieda tajba!” (Lq 2,14)