News

December 20, 2016
Inawgurat il-Proġett ta’ Restawr u Tisbiħ tal-Knisja tar-Rabat

Nhar il-Ġimgħa 16 ta’ Diċembru permezz ta’ Quddiesa Solenni ta’ Radd il-Ħajr lil Alla, immexxija mill-Ministru Provinċjal, P. Richard S. Grech, OFM, ġie inawgurat il-Proġett ta’ Restawr u Tisbiħ tal-Knisja tagħna iddedikata lil Santa Marija ta’ Ġesu fir-Rabat.

Fi Knisja mimlija bin-nies, anke jekk kien il-maltemp, il-Ġwardjan P. Martin Coleiro, OFM irringrazzja lil kull min ħadem u għen biex din il-ħolma saret realtà. B’mod partikolari lil Lolly u l-Ħaddiema tiegħu li żebgħu il-Knisja, lil Arthur Vassallo u l-ħaddiema tiegħu, li naddfu id-deheb l-antik u żiedu deheb ġdid fejn kien hemm bżonn, u lill Adonai Camilleri Cauchi li għamel il-pittura ġdida fit-twieqi.

Ringrazzjament kbir mar, għal voluntiera kollha li ħadmu fuq il-proġett, għan-nisa li ta’ kull ġimgħa żammew Knisja nadifa, u għal dawk kollha li offrew l-għajnuna finanzjarja biex setgħet inġabret is-somma li kien hemm bżonn. Wara l-quddiesa komplejna naqsmu l-ferħ flimkien b’riċeviment fil-kunvent.