News

December 31, 2016
Festa Familja għall-qraba tal-Patrijiet

Fid-Dar tal-Irtiri Proziuncola bħal ma jsir kull sena ġiet iċċelebrata Festa Familja ta’ żmien il-Milied flimkien mal-familjari tal-patrijiet, nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Diċembru. Din il-festa bdiet b’quddiesa mmexxija mill-Ministru Provinċjal P. Richard S. Grech OFM.

Fl-omelija hu ħa l-eżempju ta’ Marija li dejjem kienet fidila lejn Alla u għalhekk li Alla kien dejjem magħha. Huwa spiċċa bi storja ħelwa fejn spjega li l-Madonna kienet dik il-mara li għexet il-misteri li aħna nitolbu permezz tar-rużarju u dan billi laqgħat il-kelma, semgħet u li xtarret. Għalhekk importanti li aħna ukoll ngħixu dawk l-esperjenzi li għexet Marija.

Wara l-quddiesa kulħadd inġabar fil-foyer tad-dar fejn sar it-tberik minn P. Marcellino Micallef OFM Vigarju Provinċjali ta’ ‘Stained Glass’ ġdida li saret mill-artist Louis Briffa. F’kemtejn li għamel biex jispjega s-sens ta’ din l-opra tiegħu hu qal li wara proċess ta’ dixxerniment ried joħloq xi ħaġa li tagħti identità Franġiskana u nieħdu magħna parti minn Assisi permezz tal-ħġieġ trasparenti u li jidher il-ġnien li hemm wara.

Wara komplejna fir-Restaurant ‘Da Francesco’ tal-istess Dar għal ikla flimkien fejn qsamna l-awguri tal-Milied.