News

March 16, 2017
P. Ġużepp Camilleri jiċċelebra 50 sena Saċerdot

F’quddiesa kkonċelebrata, nhar l-Erbgħa 15 ta’ Marżu P. Ġużepp Camilleri, OFM iċċelebra l-50 sena saċerdot.  Viżibilment emozzjonat, P. Ġużepp irringrazzja lil Alla ta’ dak kollu li għamel miegħu u talab l-għajnuna tal-kongregazzjoni biex jitolbu għalih ħalli jkompli jżomm idejh fuqu.  

Dan qalu biex il-Mulej ikompli jagħtih dak li għandu bżonn kif ukoll P. Ġużepp ikun kapaċi jilqa kollox minn idejn Alla. Fl-aħħar talab lil kulħadd biex ifaħħar lil Alla ta’ dak kollu l-għamel miegħu.

Minn naħa tiegħu l-Ministru Provinċjal P. Richard S. Grech, OFM qal li l-Ordni u l-komunità qed jifirħu miegħu għal dan il-mument u grazzja ta’ 50 sena saċerdot.  Huwa qal li kien mument ta’ ringrazzjament lil Alla ta’ dak kollu li għamel miegħu matul dawn il-50 sena, waqt li jibqa jkun strument għal-glorja tiegħu.

Huwa ħa l-okkażjoni biex jifraħ lil P. Alfred Sciberras OFM, Fr. Joe Barbara MSSP, P. Marcellino Meilaq, OFM u lil P. Edward Zammit, OFM li lkoll qed jiċċelebraw 50 sena saċerdoti.

Imwieled ir-Rabat, Malta nhar it-23 ta’ April, 1940 bin Paul Camilleri u Carmen nee’ Attard, P. Ġużepp ingħaqad mal-Ordni Franġiskan mal-Ordni Franġiskan nhar it-13 ta’ Ottubru, 1957. Għamel il-Professjoni Temporanja nhar l-14 ta’ Ottubru, 1958 u dik Solenni nhar il-15 ta’ Ottubru 1961. Ordna Saċerdot nhar il-11 ta’ Marzu, 1967. Tul is-snin kemm ilu patri, apparti xogħol pastorali P. Ġużepp serva għal xi żmien bħala Gwardjan, imma l-aktar li dam kien bħala Sagristan Maġġur fil-Knisja tagħna tar-Rabat. P. Ġużepp attwalment huwa l-ħajjat tal-Provinċja u fost affarijiet oħra għamel bosta tonok tal-aħwa. Preżentement jifforma parti mill-Fraternita’ ta’ Domus Pacis, ġewwa Baħar iċ-Ċagħaq.

AD MULTOS ANNOS