News

September 07, 2017
Art ta’ quddiem iċ-Ċentru Franġiskan tiġi f’idejna

Wara stennija ta’ sittin sena, fl-aħħar seħħet il-ħolma ta’ tant patrijiet, fosthom P. Benjamin Galea OFM, li l-art ta’ quddiem iċ-Ċentru Franġiskan – Porziuncola, ġewwa Baħar iċ-Ċagħaq, fl-aħħar tiġi f’idejna. Kien fis-sena 1957 li P. Benjamin feda’ l-kumplament ta’ kuntratt ta’ ċens li kien sar fis-sena 1918.

Madanakollu dawk li kienu qed jagħmlu użu minn din l-art u maż-żmien l-eredi tagħhom, tħallew mill-Provinċja b’mera tolleranza biex ikomplu jagħmlu użu minnha sakemm kellu jagħlaq eżattament fl-14 ta’ Awwissu 2017. Barra minn hekk ukoll fis-sena 1990 P. Benjamin Galea OFM kien għamel kuntratt ieħor mal-Kurja ta’ Malta għal proroga ta’ ċens perpetwu, li issa jmiss li jiġġedded fis-sena 2117, u jibqa’ jiġġedded kif stipulat fl-istess kuntratt, għal min jibqa’ ħaj, kull mitt sena.

Din hija biċċa oħra mill-istorja tal-Provinċja taġħna b’mod ġenerali u taċ-Ċentru Franġiskan – Porziuncola b’mod partikolari. Ilkoll kemm aħna konna dejjem nittamaw li jasal din il-mument xi darba, u bil-għajnuna t’Alla illum nistgħu ngħidu li wasal. Wara taħdidiet kordjali bejn il-Ministru Provinċjal P. Richard Stanley Grech OFM u l-werrieta ta’ dawk li oriġinarjament kienu qed jagħmlu użu minn din l-art sa minn żmien P. Benjamin Galea OFM, sar qbil bonarju biex effettivament u b’mod immedjat il-pusses sħiħ u l-użu tal-istess art issa għadda b’mod definittiv f’idejn il-Provinċja tagħna.