News

October 05, 2017
Ċirkulari Festa San Franġisk 2017

Fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Franġisk il-Ministru Provinċjal P. Richard S. Grech, ħareġ ċirkulari dwar il-prijoritajiet li l-Kapitlu Provinċjali fassal u għalhekk żmien x’naħlu ma għandniex għax iż-żmien qiegħed igerbeb ġmielu.

Il-Festa tal-Missier tagħna Franġisku, l-Fqajjar t’Assisi, tista’ tgħid iġġib fi tmiemu ż-żmien tas-Sajf, żmien marbut ma’ vaganzi, safar u elf ħaġa oħra, u jimmarka b’mod qawwi l-bidu ta’ sena oħra ta’ ħajja aktar ta’ ġabra u ta’ ħidma skandita biż-żminijiet liturġiċi li mill-Avvent iwassluna għall-Milied, mir-Randan għall-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid, b’dan tal-aħħar li jwassalna għall-festi kbar ta’ Pentekoste, it-Trinita’ Qaddisa u Corpus Domini. Is-Sajf bħal iwaqqaf kollox. Iħarbat kollox. Kollox ikun fuq maintenance mode biex ngħid hekk. Min ġej u min sejjer għal xi jiem ta’ mistrieħ, f’Malta jew barra minn Malta. F’kelma waħda wieħed jieħu l-affarijiet aktar bil-mod, anke minħabba l-fatt li s-sħana tagħmel taħħa sew.

Kien għalhekk li wara ċ-ċelebrazzjoni tal-Kapitlu Provinċjali ta’ Mejju ta’ din is-sena, wara li ġew iffurmati l-fraternitajiet il-ġodda, bħal donnu waqaf kollox, kollox kien on hold. Imma issa li reġgħat magħna din il-Festa hekk għażiża għalina, jeħtieġ inxammru mill-ġdid il-kmiem u nmiddu għonqna sabiex inwettqu dak li bħala aħwa miġbura iddeċidejna li huma l-prijoritajiet tagħna bħala fraternita’ Provinċjali kif ukoll Lokali għat-tlett snin li ġejjin. U żmien x’naħlu ma għandniex għax iż-żmien qiegħed igerbeb ġmielu. U quddiemna għandna il-figura kariżmatika ta’ dan il-Qaddis li saħħret warajha eluf kbar ta’ nies tul dawn l-aħħar tminn mitt sena u fuqhom. Din il-kariżma, tibqa’ dejjem rilevanti għad-dinja li ninsabu ngħixu fiha, li għalkemm fid-dieher tidher ħafna differenti mid-dinja li kien igħix fiha Franġisku, imma fl-istess ħin wieħed jista’ jgħid li tixbaha ħafna wkoll. Rilevanti u bżonnjużha. Id-dinja ta’ ‘llum għandha bżonn ta’ persuni, irġiel u nisa, imlaqqmin mill-Kelma tal-Evanġelju, imlaqqmin mill-kariżma Franġiskan, iddedikati bi ħġarhom biex bil-ħajja tagħhom, bl-eżempju aktar milli bil-kelma, ilaqqmu id-dinja, is-soċjeta’, in-nies ta’ madwarhom.

Kultant ilkoll kemm aħna nintilfu fuq irqaqgħat u ħwejjeġ oħra frivoli li mhux talli ma jwassluna mkien, talli jieħdu ħafna mill-ħin, mill-erenġija, mir-riżorsi li għandna għad-dispożizzjoni tagħna. Huwa għalhekk tal-akbar importanza li aħna f’din il-Festa għal darb’oħra niffukaw mill-ġdid fuq is-sejħa tagħna u fuq dik it-tweġiba li darba, forsi tant snin ilu, tajna b’deċiżjoni, b’konvinzjoni, b’ġenerożita’ kbira, b’att ta’ Fidi, ta’ Tama u ta’ Mħabba. Intlaqna f’idejn Alla u f’idejn il-Fraternita’ li tagħha bdejna niffurmaw parti. Jiġri li kultant maż-żmien bħal nitilfu s-sens ta’ identita’ u appartenenza tagħna u mingħajr ma nintebħu nibdew nitbiegħedu mill-ideal Franġiskan. Il-melħ jaqta’! Id-dawl jintefa’! U flok indakkru, inlaqqmu s-soċjeta’ ta’ madwarna, niddakkru, nitlaqqmu aħna minnha! Il-Fraternitajiet tagħna huma magħmula minn bnedmin li ebda’ wieħed minna ma huwa perfett. Ilkoll midinbin, imma lkoll imsejħin sabiex inwieġbu ‘llum, kuljum għas-Sejħa ta’ Mħabba speċjali li jagħmlilna l-ħin kollu l-Mulej u l-Imgħallem tagħna Ġesu’. Veru li hemm mil-fraġilita’ tat-tafal li naraw fuq barra. Imma veru wkoll li ġewwa fina hemm Spirtu qawwi. Ma jimpurtax jekk il-ġisem ikun dgħajjef, għajjien. L-aqwa li l-ispirtu jkun irid! Jiena konvint li fina lkoll hemm dan l-ispirtu ġenwin li tassew irid iwieġeb għas-Sejħa, għar-Rieda ta’ Alla. Imma mhux kulħadd għal rasu, waħdu, iżda flimkien. Inwieżnu lil xulxin, inqawwu qalb xulxin, ngħinu lil xulxin.

B’dan il-ħsieb f’moħħi u f’qalbi nixtieq ħafna nħeġġeġ lilna lkoll sabiex din is-sena nagħmlu ħilitna biex ilkoll kemm aħna nkunu aktar preżenti għal xulxin fil-ħajja tal-Fraternita’ tagħna Lokali u Provinċjali. Akar preżenti u parteċipi fil-mumenti tal-Fraternita’, fl-atti komuni tat-talb flimkien, tal-ikel flimkien, tar-rikreazzjoni flimkien. Infittxu aktar lil xulxin. Ngħixu ħajja aktar ta’ ġabra fil-Fraternita’ tagħna, fil-kunventi tagħna li huma l-ewwel u qabel kollox djarna. Mhux lukanda. Mhux il-post fejn sempliċement għandi kamarti fejn inżom ħwejġi u fejn norqod u fejn insib jistennieni l-ikel ta’ kuljum. Imma tassew il-post fejn ngħix, fejn ngħammar, fejn nagħti sehemi, fejn niltaqa’ ma ħuti li għandhom l-istess Sejħa tiegħi. Ma nħallux l-aljenazzjonijiet u d-distrazzjonijiet ta’ madwarna jitfu fina s-sens ta’ identita’ u ta’ appartenenza. Ħadd minna ma huwa indipendenti u awtonomu! Ilkoll kemm aħna għandna bżonn ta’ xulxin! Is-Sejħa tagħna Franġiskana ma nistgħux ngħixuha waħidna, imma flimkien! Bħal Missierna San Franġisk jeħtieġ nifhmu li l-Mulej tana aħwa, u lkoll kemm aħna msejħin sabiex inkunu aħwa għal xulxin. Aħna li darba poġġejna idejna fuq il-moħriet, ma nħarsux lura, imma nibqgħu nħarsu ‘l quddiem bl-istess ħeġġa, bl-istess ġenerożita’ tal-bidu. Inħeġġeġ ħafna lil Gwardjani u lis-Superjuri Lokali sabiex dejjem jaraw li l-aħwa kollha jagħmlu dan.

Waqt li nawgura minn qalbi l-Festa t-tajba lil kull wieħed u lil kulħadd, nitlob il-Mulej sabiex bl-interċessjoni ta’ Missierna San Franġisk iberikna.