News

November 04, 2017
Jibdew il-Postulandat

Nhar l-Erbgħa 1 ta’ Novembru ġewwa id-Dar tal-Formazzjoni, fil-Kunvent tagħna ta’ Santa Marija ta’ Ġesù, ir-Rabat, Robert Govus u Christopher Bilocca bdew il-Postulandat fi ħdan l-Ordni tal-Patrijiet Minuri.

Għal din l-okkazzjoni kienu mistednin l-familjari tal-Postulanti kif ukoll il-Patrijiet.  Iċ-ċelebrazzjoni kienet tikkonsisti billi flimkien tlabna t-talba tal-Għasar u wara ħsieb mill-Ministru Provinċjal P. Richard S. Grech, OFM, Robert u Christopher tlibsu s-sinjal tat-Tau Franġiskan.

Il-Provinċjal qal li importanti li l-kandidat iħossu komdu fil-fraternità imma jista’ jkun li minn flok wieħed ifittex lil Mulej ikun ifittex il-konsolazzjoni u għalhekk mhux raġuni biex ikollok vokazzjoni.  Anke Pietru fuq il-muntanja Tabor kien qed jitpaxxa bil-konsolazzjoni tal-Mulej, għax meta mbagħad kellmu fuq it-tbatija, beda jlumu.

Huwa semma wkoll kif meta jiġu mumenti fuqi ta’ dlam ma jfissirx li vokazzjoni m’għandix. Dan ħassu anke San Franġisk u allura anke aħna ngħaddu minn dawn il-mumenti ta’ dlam.  Imma d-dlam huwa importanti ukoll għax fid-dlam biss tista’ tara s-sbuħija tal-bniedem.

Huwa kompla fuq ittra li kiteb lil Postulanti, fuq dak li għid Ġesù lil Appostli: “Mhux intom għażiltuni imma jien għażiltkom” u dan għaliex “inti qiegħed eżatt fejn iridek Alla issa” u dak li għaddejt minnu qabel, kien maħsub minn Alla biex inti tkun eżatt fejn qiegħed issa.  Allura huwa importanti li dawn il-postulanti jirritornaw spiss għal din l-ittra biex jekk huma qed iħossu sejħa, dik is-sejħa qed jagħmilha l-Mulej. U jekk huma qed iħossuhom f’mument partikolari, jiftakru li dak hu l-mument eżatt fejn il-Mulej irridhom ikunu.

Wara huwa tkellem fuq fit-tifsira tal-Postulandat u qal li bħal ma fis-seminarju Franġiskan hemm akwarju u min jaf kemm għaddew minn quddiemu u jħarsu x’hemm ġo l-akwarju, imma dejjem minn barra u tagħmel differenza meta inti tidħol ġo l-akwarju. U meta wieħed jidħol ġo l-akwarju, l-akwarju mhux se jibqa’ l-istess għax issa dħalt int, u lanqas inti mhu se tibqa’ l-istess għax qed tgħix ma’ elementi l-oħra.  Issa l-Postulanti l-ġodda se jibdew żmien ta’ dixxerniment aktar intensiv. Issa mhux iżjed se jħarsu barra mill-akwarju imma issa se jidħlu fiħ.

Nitolbu biex dawn il-kandidati ġodda li laqgħu s-sejħa tal-Mulej ikomplu b’ħafna entużjażmu jimxu warajh fuq il-passi ta’ San Franġisk.

Wara ċ-ċelebrazzjoni kien hemm riċeviment fl-istess kunvent.