News

December 19, 2017
«Ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda!» – Ċirkulari Milied 2017

Il-Mulej jagħtikom is-Sliem! Il-Milied għal darb’oħra reġa’ magħna. Ilkoll kemm aħna nixtiequ minn qalbna għalina nfusna, għal xulxin, għall-oħrajn, «Il-Milied it-tajjeb!» Imma ngħid jien x’jagħmel Milied «tajjeb»?

Għal ħafna, jekk mhux għal uħud minna wkoll, ix-xbiha ta’ Ġesu’ Bambin saret biss ornament li biha nżejnu l-knejjes u l-kunventi tagħna, xi tieqa li tagħti għat-triq jew in-nofs ta’ xi mejda jew tavolina fl-intrata jew fis-salott tad-djar tagħna. U l-istess nistgħu ngħidu għall-presepju, għas-sigra tal-Milied, għad-dwal u l-kartolini. Inżejnu bihom mingħajr ma nafu jew nifhmu t-tifsira vera tagħhom. U kif jgħaddu dawn il-jiem, erfa’ u sorr kollox għal sena oħra, jekk Alla jrid, għal min jibqa’ ħaj (dik hi !). Il-Milied ikun ġie ! Il-Milied ikun għadda ! U aħna, u ħajjitna jibqgħu minn sena għal oħra l-istess ! Bħal qisu bih u mingħajru Ġesu’, xorta waħda!

«Ġara li, meta kienu hemm, Marija għalqilha ż-żmien biex teħles u wildet l-ewwel iben tagħha, fisqietu u medditu f’maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda.»[Lq: 2. 6-7] L-Arċisqof Fulton J. Sheen, predikatur ta’ fama mondjali ta’ nofs is-seklu l-ieħor, igħid illi meta tinkiteb l-aħħar paġna tal-istorja tal-umanita’, din is-sentenza meħudha mill-Evanġelju skont San Luqa, tibqa’ l-aktar sentenza ta’ djieqa u ta’ swied il-qalb. «Ma kienx hemm post fil-lukanda!» Il-lukanda għal Fulton J. Sheen hija simbolu tad-dinja, tad-diversita’ tal-bnedmin u tal-proġetti tagħhom. Min ġej u min sejjer, kulħadd jiltaqa’ u jgħid tiegħu. Kulħadd ifassal, jippjana, jwettaq ! Nies ta’ fehmiet differenti, ta’ kapaċitajiet differenti, ta’ skopijiet differenti, jiltaqgħu biex jaqsmu idejat u ħolm ta’ kull xorta. U f’dan kollu ma kienx hemm post għal Ġesu’. Ġesu’ ma kienx jifforma parti minn dan kollu. Id-dinja, il-bnedmin kienu ilhom sekli sħaħ jistennew il-miġja fostna ta’ Alla magħmul bniedem, u meta wasal, «Ma kienx hemm post għalih!»

Minkejja li għaddew aktar minn elfejn sena, id-dinja ta’ ‘llum ma tantx hija differenti minn dak inhar li Alla daħal b’qawwa fil-ħajja tal-umanita’, fil-ħajja ta’ kull bniedem. Anzi pjuttost nazzarda ngħid li ‘llum kemxejn agħar. Elfejn sena ilu kien hemm għalmenu min kien qed jistenna dan il-mument fl-istorja tal-umanita’, tal-ħolqien, li kellu jissarraf f’Paċi u Ferħ għall-bnedmin kollha ta’ kull żmien! Illum għamilna minn din il-festa Nisranija, festa pagana. Irridu, nixtiequ l-Ferħ u l-Paċi li jġibilna Ġesu’, imma ma rridux lil Ġesu’! Mgħandux ikun hekk. Mgħandux ikun Milied biss ta’ darba fis-sena, imma għandu jkun Milied is-sena kollha, kull jum tas-sena. Nistħajlek tgħidli, « Imma kif jista’ jkun !? » Jista’ jkun biss jekk inti tħalli lil Ġesu’ jidħol f’ħajtek, jidħol fil-pjanijiet tiegħek, jidħol fir-relazzjonijiet tiegħek kuljum. Imbagħad tinduna li għalik il-Milied ma jkunx ifisser biss tifkira tat-twelid ta’ Alla magħmul bniedem, imma tiċċelebra l-Milied tiegħek stess, it-twelid tiegħek kull jum għal ħajja ġdida. Għandek post għal Ġesu’ fiċ-ċelebrazzjonijiet tiegħek tal-Milied din is-sena biex tħallih jitwieled ġewwa fik illum, kuljum, dejjem ? Hekk fehem Missierna San Franġisk. Hekk għamel ukoll. Kuljum Ġesu’ kien spiritwalment jitnissel fiħ meta kien jilqa’ l-Kelma. Kuljum kien spiritwalment iwelldu mill-ġdid meta din il-Kelma kien igħixha. Nawgura lilek u lill-għeżież tiegħek Milied qaddis, Milied tajjeb, Milied mimli Paċi u Ferħ. F’kelma waħda Milied mimli b’Ġesu’, li hu waħdu l-iskop u r-raġuni tal-Festa tal-Milied ! Għeżież ħuti, dan huwa l-awgurju tiegħi għalina lkoll, għall-qraba u l-ħbieb tagħna, għall-benefatturi tagħna. Kemm nixtieq li dan il-Milied ikun għalina lkoll mument ta’ grazzja li jimmarka bidu ġdid fil-ħajja tagħna kemm personali kif ukoll bħala fraternita’ lokali u provinċjali. Imbagħad iva nistgħu ngħidu li tassew kien Milied tajjeb!

Illum it-8 ta’ Diċembru, 2017
Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni

Prot. KP 0812/2017

P. Richard Stanley Grech ofm
Ministru Provinċjal u Qaddej

P. Ramon Farrugia ofm
Segretarju Provinċjali