News

January 10, 2018
Festa Familja għall-Patrijiet u l-qraba tagħhom

Fiċ-Ċentru Franġiskan f’Baħar iċ-Ċagħaq, bħal ma jsir kull sena ġiet iċċelebrata Festa Familja ta’ żmien il-Milied flimkien mal-familjari tal-patrijiet, nhar il-Ħamis 28 ta’ Diċembru. Din il-festa bdiet b’quddiesa mmexxija mill-Ministru Provinċjal P. Richard S. Grech OFM.

Fl-omelija hu tkellem fuq kemm ħafna drabi fil-ħajja tagħna f’dawn iż-żminijiet tal-Milied kulħadd joħroġ il-presepju u wieħed jipprova ipoġġi kemm jiflaħ personaġġi. Kemm tfal f’dawn iż-żminijiet jieħdu sehem sħiħ f’rappreżentazzjonijiet f’kull tip ta’ persunaġġ imma qatt ma jpoġġu jew xi ħadd jieħu pjaċir joqgħod l-għaġeb tal-presepju għax jekk tiftaħar speċjalment ma’ tfal kif se tgħidilhom li kont l-għaġeb tal-presepju imma iktar faċli tiftaħar li kont Marija jew Ġużeppi.

Il-Ministru Provinċjali kompla billi ħareġ is-sabiħ ta’ dan il-persunaġġ/pastur fuq it-teoloġija li hemm warajh. Tlifna l-kapaċita’ li nistagħġbu quddiem il-kobor ta’ Alla li qiegħed f’dak il-presepju li dan m’għandux ikun ornament imma stqarrija tal-fidi tagħna.  Aħna nistagħġbu bil-kapaċitajiet tal-bnedmin, imma għadna nistagħġbu bil-kobor t’Alla?  Għal dan Alla li ħalla l-‘kumdita’ tal-ġenna biex jiġi jiltaqa’ magħna?  Allura l-messaġġ tal-Milied irrid ikun dak li l-anġlu qal lir-ragħajja: li Alla huwa magħna u aħna m’aħniex weħidna u għalhekk importanti li mhux ngħixu fil-passat jew fil-preżent imma ngħixu fil-preżenza ta’ Alla.

Wara komplejna fir-Restaurant ‘Da Francesco’ tal-istess Dar għal ikla flimkien fejn qsamna l-awguri tal-Milied.