News

January 10, 2018
Postulant Ġdid

Nhar il-Ħadd 7 ta’ Jannar ġewwa id-Dar tal-Formazzjoni, fil-Kunvent tagħna ta’ Santa Marija ta’ Ġesù, ir-Rabat, Andrè Bonaci mill-Parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni, l-Ibraġġ (Swieqi),  beda l-Postulandat fi ħdan l-Ordni tal-Patrijiet Minuri.

Għal din l-okkazzjoni kienu mistednin l-familjari tal-Postulant kif ukoll il-Patrijiet.  Iċ-ċelebrazzjoni kienet tikkonsisti billi flimkien tlabna t-talba tal-Għasar u wara ħsieb mill-Ministru Provinċjal P. Richard S. Grech, OFM, Andre libes s-sinjal tat-Tau Franġiskan.

Il-Provinċjal laqa’ lil Andrè għal din l-esperjenza iktar intensa ta’ dixxerniment iktar mill-qrib.  Huwa tkellem fuq il-festa tal-epifanija li magħha ġġib xi elementi importanti għan-nisrani.

L-ewwel li rridu noħorġu mil-comfort zone tagħna – ma nibqgħux magħluqin fejn inħossuna komdi, kif wara kollox għamlu s-slaten maġi.  In-nisrani ma jistax dejjem jgħix f’din il-comfort zone għax inkella qatt ma tista’ tagħmel il-pass li jmiss, li jfittex lil Ġesù.  Is-slaten Maġi kellhom raġuni u skop għaliex kellhom jitilqu mil-comfort zone tagħhom, telqu biex ifittxu lil Ġesù, u l-franġiskan kuljum irrid jgħamilha u f’din it-tfittxija nibqa nippersevera sakemm insibu u mhux naqta’ qalbi quddiem id-diffikultajiet. Mhux naqta qalbi u ngħid li se nerġa lura għax fejn kont, kont aħjar! Irridu nibdew din it-tfittxija bil-għerf u l-għaqal kif għamlu s-slaten maġi – ix-xjenza ma kinetx ta’ tfixkil għalihom, anzi għenithom biex issibu min kien Ġesù: is-sultan tas-slaten, Alla magħmlu bniedem.

Il-Pass li jkun imiss huwa x’nagħmlu meta insibu lil Ġesù? Dak li għamlu s-slaten – Li narawh bħala Alla u Sultan u nadurawh li ħafna nsara tajbin illum jinsew jaduraw lil Ġesù.  Wara jkun imiss li noffri r-rigali tiegħi u d-direzzjoni ġdida li kuljum rrid nagħti lil ħajti.

Nitolbu biex dan il-kandidat ġdid jilqa’ s-sejħa tal-Mulej u jkompli b’ħafna entużjażmu jimxi warajh fuq il-passi ta’ San Franġisk.

Wara ċ-ċelebrazzjoni kien hemm riċeviment fl-istess kunvent.