News

February 19, 2018
Tibda ż-Żjara Franġiskana fil-Parroċċa tas-Sacro Cuor, Sliema

Din il-ġimgħa għal-Provinċja tagħna hija ġimgħa importanti għaliex fiha qed issir iż-Żjara Franġiskana fil-Parroċċa tagħna stess tal-Madonna tas-Sacro Cuor f’tas-Sliema. Fejn il-Parroċċa qed tiċċelebra l-mitt sena tagħha.

Bit-tema: “Il-Mulej mexxiena f’nofskom”, iż-Żjara Franġiskana bdiet b’Quddiesa l-bieraħ il-Ħadd 18 ta’ Frar mill-Kappillan tal-Parroċċa P. Paul Attard, OFM u li fiha ingħata l-mandat lill-missjunarji li se jkunu qed jieħdu sehem u jagħmlu ż-żjarat fid-djar.

Fil-Quddiesa l-Kappillan laqgħa l-missjunarji u ħeġġeġ lil poplu biex jipparteċipa fl-attivitajiet li se jkunu qed jiġu organizzati kif ukoll ħeġġeġ biex il-familji jilqgħu lil franġiskani li jkunu qed iżuru d-djar. Huwa qal li dan hu l-mandat li l-Parroċċa se taghtikom illum fil-bidu taż-Żjara Franġiskana u għalhekk: “Morru ħabbtu l-bieb bieb, triq triq; isimgħu x’għandhom x’jgħidulkom; ħudu nota ta’ dak li jaqsmu magħkom u ppreżentawha lilna; fakkruhom li l-Parroċċa qed tiċċelebra 100 Sena ta’ Grazzji!; għidulhom it-tema x’inhi “Jiena Maghkom Dejjem’; għidulhom li dirgħajn il-Knisja tas-Sacro Cuor hi miftuħa għal kulħadd!; Hu x’inhu d-dnub, hi x’inhi d-diżabilita’, hi x’inhi d-dipendenza li fuqha jinsabu! Għidulhom l-istess: “Tibżgħax Marija, għax inti sibt grazzja quddiem Alla”.

Iż-Żjara Franġiskana hija mżewqa b’ħafna laqgħat li għandhom x’jaqsmu mal-ħajja tal-parroċċa u tilħaq kull peruna minn tfal, żgħażagħ, adulti kif ukoll anzjani u morda. Iż-żjara Franġiskana tiġi fi tmiema nhar il-Ħadd 25 ta’ Frar.

Iż-Żjara Franġiskana qed tkun ikoordinata minn Fr. Lorrie Zerafa, OFM, P. Clive Camilleri OFM u P. Anton Farrugia, OFM u fiha qed jieħdu sehem bosta patrijiet, sorijiet, OFS, kif ukoll lajċi impenjati.