News

April 20, 2018
Kors tal-JPIC ġewwa l-Messiku

Bejn l-10 u t-18 t’April ġewwa Guadalajara, il-Messiku, P. Mark Ciantar ħa sehem f’kors tal-JPIC (Justice, Peace and Integrity of Creation).

“M’hemmx soluzzjonijiet minn fuq għax l-awtoritajiet m’humiex interessati. Jgħodd biss li, min għandu għal qalbu din il-kawża, jagħti ħajtu”. Hekk stqarr Fra Tomás Gonzáles OFM, attivist favur id-drittijiet tal-immigranti fil-Messiku, meta qasam ma’ dawk preżenti l-esperjenza tiegħu.

Fakkarna f’dak li Franġisku ħallielna b’wirt fit-Testment tiegħu – “Il-Mulej mexxieni f’nofshom” – b’referenza għall-lebbrużi; programm ta’ ħajja li għandu jissarraf fi stil ta’ ħajja għall-patrijiet minuri.

Inrodd ħajr lil Alla li fil-providenza tiegħu afdali din l-opportunità li – flimkien ma’ madwar 50 aħwa mid-dinja kollha – nanaliżżaw fenomenu li lanqas pajjiżna m’hu meħlus minnu: iċ-ċaqlieq tal-popli; kors imħejji mill-aħwa li jagħtu s-servizz tagħhom fl-Uffiċċju Ċetrali OFM għall-Ġustizzja, Paċi u Ħarsien tal-Ħolqien. It-tema magħżula kienet “Migrazzjoni: Kawżi, Ħitan u Prospettivi Franġiskani”.

Quddiem din il-miżerja ta’ żmienna, Papa Franġisku jissuġġerixxi strateġija: nilqgħu, nipproteġu, nippromwovu u nintegraw; attitudnijiet fundamentali li jgħinuna nsaħħu l-ħidma li diġà qed issir u noħolmu kif inwessgħuha.