News

June 19, 2018
Annex Għawdex: Tberik u tqegħid tal-ewwel ġebla

Nhar l-Erbgħa 13 ta’ Ġunju 2018, Festa liturġika ta’ Sant’ Antnin ta’ Padova, i-Ministru Provinċjal bierek u qieghed l-ewwel ġebla tal-annexe li ser jinbena fuq iċ-ċentru li hemm biswit il-knisja u l-kunvent tagħna ta’ Sant’Antnin ġewwa l-Imġarr, Għawdex.

Qabel, waqt quddies immexxiha mill-Eċċellenza Tiegħu Mons. Pawlu Cremon O.P., Arċisqof Emeritus ta’ Malta, il-Ministru Provinċjal fisser lil dawk preżenti li fid-dawl tas-Sejħa Franġiskana u tal-Faqar Franġiskan, skont kif iħeġġiġna nagħmlu l-Ordni tagħna, sabiex inkunu dejjem aktar fidili għas-sejħa tagħna u xhieda awtentika tal-Vanġelu Mqaddes, aħna msejħin biex nieħdu deċiżjonijiet għaqlin, diffiċli u kuraġġużi. Din tal-bini ta’ dan l-annexe, kompla l-Ministru Provinċjal, ma kienetx deċiżjoni li ttieħdet mill-lejl għan-nhar, imma ħadet proċess twil ta’ kważi erba’ snin u li issa wasalna fil-qofol tiegħu. il-bini ta’ dan il-proġett li daħlet għalih il-Provinċja tagħna għandu jservi għall-akbar glorja t’Alla u għal ġid tas-soċjeta’ li fiha ngħixu s-sejħa tagħna u li tagħha niffurmaw parti.

Wara l-quddiesa, quddiem għad ġmielu ta’ nies preżenti fuq iz-zuntier tal-Knisja, u fil-preżenza tal-istess Mons. Cremona, Il-Ministu Provinċjal bierek u qiegħed l-ewwel ġebla. Taħt din il-ġebla tpoġġew santa bix-xbiha tal-istatwa devota ta’ Sant’Antnin meqjuma fl-istess Knisja, xbiha tal-Kurċifiss li jfisser li Kristu huwa l-ġebla tax-xewka u li jekk ma jkunx il-Mulej li jibni d-dar, għalxejn jitħabtu l-bennejja. Tqiegħedet ukol it-Tau Franġiskana u kif inhi drawwa xi muniti. Il-ġebla tbierket ukoll minn Mons. Cremona O.P., mill-Vigarju Provinċjali P. Marcellino Micallef O.F.M. u mill-Gwardjan P. Joe Caruana O.F.M. Preżenti wkoll kien hemm il-Perit Edward Scerri, Steve Tabone tal-Baron Constructions Ltd. u l-bennej Raymond li f’idejhom hemm ix-xogħol ta’ dan il-bini. Il-bini mistenni jibda’ fil-25 ta’ Ġunju u għandu jkun lest sal-25 ta’ Ġunju ta’ 2019.