News

September 24, 2018
Ċirkulari, Festa San Franġisk

Qiegħed joqrob għal darb’oħra l-jum għażiż tal-Festa tal-Missier tagħna l-Fqajjar t’Assisi. Okkażjoni għalina u mument ta’ grazzja sabiex lkoll kemm aħna kemm, personalment kif ukoll bħala fraternita lokali u Provinċjali, nagħmlu qabża fil-kwalita’ tar-relazzjoni tagħna ma’ Alla, bejnietna, ma dawk ta’ madwarna u mal-ħolqien kollu li fiħ ngħixu u li tiegħu niffurmaw parti.

Dan kien l-iskop, din kienet ir-raġuni tal-opra tas-Salvazzjoni li wettaq is-Sinjur tagħna Ġesu’ Kristu. Din kienet ix-xewqa u t-talba tiegħu ftit mumenti qabel ma beda’ bir-rieda ħielsa tiegħu l-Passjoni li wasslitu għall-Mewt u l-Qawmien tiegħu – li nkunu “ħaġa waħda” – l-Għaqda.

Sa mill-ewwel kapitlu tar-Regola Mqaddsa tagħna, Missierna San Franġisk jisħaq fuq “l-ubbidjenza u l-qima lis-Sinjur Papa Onorju u lil dawk kanonikament magħżula warajh u lill-Knisja Rumana”. Illum qed naraw b’għajnejna stess mewġa qalila minn ġewwa u minn barra li l-iskop tagħha huwa li timmina l-istess awtorita’ tal-Papa u l-għaqda fil-Knisja. Aħna li “marbutin li nobdu lil Fra Franġisk u lil dawk li jiġu warajħ” kif ikompli l-istess kapitlu tar-Regola, irridu nkunu minn ta’ quddiem biex naħdmu favur din l-għaqda fil-Knisja u fost il-bnedmin.

Dan nagħmluh qabel xejn bix-xhieda ta’ ħajjitna, fil-fedelta’ tagħna lejn il-Vanġelu Mqaddes tal-Mulej tagħna Ġesu’ Kristu, “Regola u Ħajja tagħna”. Nagħmluh ukoll fil-ħajja tagħna ta’ kuljum billi nfittxu dejjem dak li jgħaqqad u nwarrbu minna dak kollu li jista’ jifred. Inkunu “Ġisem wieħed u Ruħ waħda fi Kristu” kif nitolbu kuljum fil-Quddiesa. Il-fedelta’ tagħna ma għandiex tkun lejn xi idejoloġija tal-bnedmin imma biss lejn Alla u l-Kelma tiegħu. Anqas ma għandna nimbuttaw il-quddiem xi aġenda personali tagħna u ta’ dawk li jaħsbuha bħalna, għax b’hekk inkunu qed inħallu n-natura tmexxina u nkunu ħatja tal-“pika, firda, ambizzjoni, partiti” li huma fost “il-frott tal-ġisem” li jsemmi Pawlu fl-ittra tiegħu lill-Galatin (5,20-21). L-istess Ġesu’ jgħidilna li siġra tingħaraf mill-frott tagħha (Mt. 7,17-20) Hekk aħna wkoll ningħarfu mill-frott tagħna, jiġifieri jekk lilna jmexxiniex l-Ispirtu jew għadniex taħt il-passjonijiet tal-ġisem minkejja tant snin ta’ ħajja konsagrata (Gal. 5,16)!

Għal dan il-għan għalhekk mument ta’ importanza partikolari fl-istorja tal-Provinċja tagħna ser ikun il-Kapitlu tal-Ħsajjar li sejrin niċċelebraw bil-għajnuna t’Alla f’Jannar 2019. Nitlob, nittama u nħeġġeġ b’qalbi kollha li jkun mument ta’ grazzja partikolari għalina sabiex bħala Aħwa u Wlied tal-Missier tagħna Franġisku u tal-Provinċja għażiża tagħna, ilkoll niġabru flimkien mill-erbgħat irjieħ tad-dinja fejn ninsabu mxerrdin naqdu ‘l Alla, u għall-ewwel darba għal bosta u bosta snin niċċelebraw lil xulxin u l-preżenża tagħna flimkien. Okkażjoni sabiex insiru nafu lil xulxin u l-ħidma li qegħdin inwettqu fil-għalqa tal-Mulej. Niftakkru li kemm il-ħidma kif ukoll l-għalqa huma tal-Mulej u mhux tagħna! Ninsab konvint li hemm aħwa li ilhom snin twal ma jiltaqgħu u jaraw lil xulxin. Ecce quam bonum et quam jucundum habitare fratres in unum (Salm 132,1)! Imqar għal ftit jiem! Jeħtieġ inħossu l-bżonn u d-dmir li nagħmlu din l-esperjenza li żgur noħorġu minnha aktar imsaħħin fis-sejħa tagħna, fl-identita’ tagħna u fis-sens ta’ appartenenza.

Bi tħejjija għal dan il-mument ta’ ċelebrazzjoni u ferħ, anke kif mitlub minni mill-Kostituzzjonijiet tagħna, jien ser nwettaq Viżta Kanonika fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Aktar tagħrif dwar dan jingħata aktar il-quddiem. Barra minn hekk ukoll il-Provinċja qed toffri li tagħmel tajjeb għall-ispejjeż tal-ivjaġġar ta’ dawk ħutna li jinsabu msiefrin biex tiffaċilita l-preżenza u l-parteċipazzjoni tagħhom. Waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Kapitlu tal-Ħsajjar ser ikun hemm mument fejn l-aħwa tagħna li jinsabu barra minn Malta jaqsmu magħna l-esperjenza tal-ħidmiet tagħhom.

“Jekk ma jkunx il-Mulej li jibni d-dar, għal xejn jitħabtu l-bennejja”! Għaldaqstant inħeġġeġ ħafna biex ilkoll kemm aħna kemm personalment kif ukoll bħala Fraternita’ lokali u Provinċjali nitolbu sabiex dan il-Kapitlu tal-Ħsajjar ikun tassew għalina lkoll mument ta’ grazzja.

Waqt li nawgura minn qalbi l-Festa t-tajba lil kull wieħed u lil kulħadd, nitlob il-Mulej sabiex bl-interċessjoni ta’ Missierna San Franġisk iberikna.

Mogħtija ‘llum 17 ta’ Settembru, 2018
Festa tal-Għoti tal-Pjagi ta’ Missierna San Franġisk

Fra Richard Stanley Grech ofm
Ministru Provinċjal u qaddej tagħkom

Fra Ramon Farrugia ofm
Segretarju Provinċjali

Prot. KP 1709/2018