News

December 20, 2018
Ċirkulari Milied 2018

Wasal iż-żmien biex għal darb’oħra bil-għajnuna t’Alla niċċelebraw dak li għalina l-Insara huwa l-akbar avveniment fl-istorja tal-umanita’ kif ukoll tal-ħolqien kollu, li jmur ‘l hemm minn dak kollu li nifhmu bih meta quddiem għajnejna tiġi biss id-dinja li ngħixu fiha jew dak l-univers, wieħed minn ħafna, li l-istess dinja tagħna tifforma parti minnu. Il-mument li fih Ġesu’, Iben il-Waħdieni tal-Missier, sar bniedem bħalna, sar bniedem għalina, sar wieħed minna. Dak li “għad li kellu n-natura t’Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir, u sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem; ċekken lilu nnifsu…” (Fil.2, 6-8) Mill-kelma griega κένωσις, (kenosis) għal ἐκένωσεν (ekenosen) – permezz tal-Inkarnazzjoni tiegħu Ġesu’ tbattal minnu nnifsu biex jimtelgħa kollu kemm Hu bir-rieda tal-Missier.

Permezz tal-Inkarnazzjoni tiegħu Ġesu’ mhux biss ried jurina xi tfisser l-Imħabba ta’ Alla għalina, kemm hija kbira din l-Imħabba, sa fejn twassal. Ġesu’ ried ukoll bl-eżempju tiegħu jurina li ma hemm ebda’ triq oħra għalina l-bnedmin li tista’ twassal għall-Ferħ veru, għall-Paċi vera – dak il-Ferħ u dik il-Paċi imħabbrin mill-anġli fil-lejl qaddis tal-Milied, għajr li wieħed jitbattal minnu nnifsu kontinwament sabiex f’moħħu, f’qalbu, f’ħajtu ma jkunx hemm ħlief biss wisgħa għal Alla u għar-rieda Tiegħu. Dan biss iwassal għall-Ferħ veru u dejjiemi, għall-Paċi vera u dejjiema. B’hekk biss aħna l-persuni kkonsagrati nistgħu nkunu strumenti f’idejn Alla, ambaxxaturi Tiegħu, li nwasslu dan il-Ferħ u din il-Paċi li l-bnedmin ta’ llum, is-soċjeta’ li ngħixu fiha u niffurmaw parti minnha, l-istess holqien kollu tant jixtiequ, tant jistennew. “Aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas” (Rum. 8, 22). Fil-Milied jeħtieġ li mhux biss niċċelebraw it-twelid ta’ Ġesu’, imma niċċelebraw ukoll it-twelid tagħna lkoll għal ħajja ġdida. Dan nagħmluh jekk inkunu tassew “bnedmin li jogħġbu lilu (ta’ rieda tajba)” (Lq. 2,15). Bħal Marija u Ġużeppi aħna wkoll għandna nħallu ‘l Alla jdaħħalna fil-pjan Tiegħu ta’ salvazzjoni billi mhux daqstant bil-kliem imma bil-fatti ngħidu l’IVA tagħna u ngħmlu dak li jrid Hu, dejjem u f’kollox. Dan huwa dak li fehem Franġisku, il-Fqajjar t’Assisi! Dan hu dak li wettaq matul ħajtu! Dan huwa dak li jitlob minna lkoll!

Dan huwa dak li minn qalbi nixtieq u nawgura lilna ilkoll u lil kull wieħed minna. Dan huwa l-awgurju tiegħi għall-familjari tagħna u għall-benefatturi tagħna. Li mhux biss inħabbru bil-fomm Ferħ u Paċi. Imma bil-ħajja tagħna, bl-eżempju tagħna, l-istess Bxara Tajba li nippriedkaw, inħalluha tagħmel minna stess Bxara Tajba għal xulxin u għall-oħrajn. Il-Milied it-Tajjeb lil kulħadd!

Illum it-8 ta’ Diċembru, 2018
Festa tal-Immakulata Kunċizzjoni

P. Richard Stanley Grech ofm
Ministru Provinċjal u Qaddej

P. Ramon Farrugia ofm
Segretarju Provinċjali