News

January 24, 2019
Kapitlu tal-Ħsajjar – It-tieni ġurnata

Fid-9.30am inġbarna lkoll fis-Sala Frate Francesco fejn P. Clive Camilleri sejjaħ ir-Roll Call u P. Paul Attard, is-Segretarju tal-Kapitlu qara l-Minuti tal-bieraħ.  Dun Daniel ħa postu biex ikompli bir-riflessjoni tiegħu. 

Illum ippreżentalna Ikona oħra:  “Kif qiegħed jibagħtna l-Mulej?’’

  • Liema hu dan Kristu li qiegħed jibagħtna? San Franġisk stess jagħtina risposta.  Huwa Kristu Fqir!  Mela Kristu jrid jibagħtna Foqra!
  • L-Isfida li għandna quddiemna llum hija li aħna l-Franġiskani faċli nħossuna sinjuri, awtosuffiċċjenti! U nibdew naħsbu li nistgħu ngħaddu mingħajr Kristu!
  • Ma ninsewx li San Franġisk mexa fuq il-passi ta’ Kristu fqir meta bagħat l-Aħwa fid-dinja!

IL-PAPA FRANĠISKU

  • Qalilna: “Ftakru fil-Minorita’ tagħkomIl-Minorita’ ġejja mill-Kontemplazzjoni tal-Inkarnazzjoni ta’ l-Iben t’Alla.  Hu li kien għani, ftaqar!’’ (23 ta’ Novembru 2014).
  • Iċċelinġjana: meta kellimna fuq il-Faqar Materjali.

Il-Ministru Ġeneral tal-Ordni Franġiskan, fil-Kunsill Plenarju ta’ Ġunju 2018 qalilna:

“L-istedina biex nirritornaw lura għal dik l-imħabba tal-bidu għadha relevanti.  Jeħtieġ nabbandunaw dawk il-ħwejjeġ li ma jirriflettux il-karatteristiċi veri tagħna.  X’inhu jżommna lura milli nagħmlu dan?’’

Dun Daniel kien prattiku u dirett ħafna meta staqsiena:

“Fejn hi qalbkom?  Fejn qed tpoġġu s-sikurezzi tagħkom?  Il-ġid ma jagħtikom ebda sikurezza!  Anzi, meta l-qalb tħossha sikura, ma tagħtix lok għal Alla.  Jekk jien għandi l-ġid materjali kollu, żgur li mhux ser inkun kapaċi nħobb lil Alla, lil ħuti, u lanqas lili nnifsi!  Tkunu qed iċċaħħdu l-qalb mill-veru għana.!’’

  • L-għażla li nkun Fqir nagħmilha għax Inħobb lil Ġesu’.
  • Biex ma nsemmux ukoll il-Faqar iktar profond ta’ natura spiritwali. Eż.  insibha diffiċli nitlob!  Insikket lil Alla f’ħajti!  Ma’ nfittix direzzjoni spiritwali!

SAN FRANĠISK JISPIRANA

  • Hu nnifsu għex id-diversi tipi ta’ faqar. Saħansitra irrinunzja għat-tmexxija tal-Ordni.  Ried joqgħod taħt it-tmexxija ta’ ħaddieħor.  Iddubita jekk kienx verament qed jagħmel ir-rieda ta’ Alla.
  • L-ogħla faqar ta’ Franġisku kien fuq il-Muntanja La Verna meta twaħħad m’Alla bil-Pjagi Mqaddsa!

TIBŻGĦUX TĦALLU LIL ALLA JNEŻŻAGĦKOM

  • Wara kollox aħna twelidna foqra. Kien maż-żmien li bdejna nakkwistaw l-affarijiet.
  • Dan ifisser dak li Ġesu’ qal lil Nikodemu: “Jeħtieġ li titwieled mill-ġdid’’!

F’NOVEMBRU TAL-2017, IL-PAPA FRANĠISKU KELLIMNA FUQ IL-MINORITA’

  • Minorita’ tfisser komunjoni m’Alla, mall-Ħolqien u mall-Bnedmin.
  • Il-Minorita’ tagħmilna f’komunjoni mall-Aħwa u mall-bnedmin kollha.
  • Il-Minorita’ tfisser għalina li ma nkunux superjuri għal xulxin.
  • Il-Minorita’ ngħixuha meta ma’ nippossedu xejn.

Dun Daniel ġabilna l-eżempju ċar tal-Ħolqien li huwa bħal oħt li magħha rridu naqsmu ħajjitna.

Il-Ħolqien jgħallimna nkunu fqar.  Bħal siġra li qatt ma tagħmel frott għaliha nnifisha, imma għal ħaddiehor.

Il-Ministru Ġeneral tal-Ordni  ikkonkluda bill-mistoqsija: 

“Se jkollna kuraġġ nħallu l-viżjoni tagħna teħodna fejn l-Ispirtu tal-Mulej qed isejjħilna?’’

 

11.00am  Inqsamna f’2 Gruppi għall-Lectio Divina mmexxija minna P. Marcello Ghirlando u P. Twanny Chircop.

Tlabna wkoll l-Ora Media flimkien immexxija mill-Isqof ta’ Tripoli Mons Gorg Bugeja ofm.

U kellna wkoll xi Powerpoints dwar il-Knisja tal-Libya u dik tal-Kanada.

Temmejna t-tieni jum bl-Avviżi u l-Programm ta’ għada.  U għaddejna għal Pranzu flimkien.