News

January 26, 2019
Kapitlu tal-Ħsajjar – Riflessjoni Finali

Franġisku kontinwament jgħanni r-radd ta’ ħajr tiegħu lil Alla, “għax kull ġid ġej minnek!” F’dan il-mument konklużiv ta’ dan il-Kapitlu Spiritwali, ngħaqqdu leħinna ma’ tiegħu biex inroddu ħajr lil Alla anke għal dan il-mument ta’ grazzja u barka li għixna flimkien.
Radd ta’ ħajr imur lil Alla anke għal ministri ta’ din il-grazzja: l-organizzaturi u l-animaturi tal-Kapitlu tal-Ħsajjar u Dun Danjel Xerri li dawwal il-ġranet bil-Kelma ta’ Alla trasmessa bil-ħajja ta’ Franġisku u fit-tħeġġiġa tal-Papa Franġisku, b’mod partikulari fl-Eżortazzjoni Appostolika, Gaudete et Exultate.
Hi grazzja kbira nerġgħu niftakru fiċ-ċirkustanzi u l-mumenti deċisivi “tal-ewwel imħabba” tagħna. Imħabba li lkoll għanda x-xewqa nerġgħu ngħixu fl-illum ta’ ħajjitna, bil-ħarsa tagħna imdawwra fuq l-Alfa u l-Omega tal-fidi tagħna, Sidna Ġesù Kristu.
Hi grazzja kbira nerġgħu nġibu fil-menti u l-qalb tagħna l-eżempju bla rbit ta’ żmien ta’ Franġisku, missierna. Il-bniedem fqir u għalhekk ħieles li ħabb lil Alla, mal-aħwa u mlaqqam fil-ġmiel tal-ħolqien.
Hi grazzja kbira nesprimu flimkien xewqitna għal Pentekoste ġdida: effużjoni tal-Ispirtu li jferra’ mill-ġdidi fil-qalb tagħna l-esperjenza tremenda tal-imħabba tal-Missier għalina fi Kristu Ġesù Sidna.
Hi grazzja kbira nadurawH flimkien fl-Ewkaristija u nintasbu ħerqana taħt is-siġra dellija tat-tin tal-Kelma ta’ Alla biex niftakru mill-ġdid fis-sejħa tagħna għall-qdusija, fl-impenn lejH, maħlulin minn kull xkiel tal-passat u ħerqana li nitqabdu niġru flimkien lejn it-tmiem veru u aħħari tagħna, fis-sema pajjiżna.
Flimkien, tnejn tnejn, fil-ferħ u l-mistrieħ tiegħu, bħala wlied maħbuba, aħwa żgħar, ċkejknin iżda wkoll imbierka għax jgħarrafna l-ħwejjeġ tas-saltna tas-sema u jqiegħedna fil-rieda vera u mqaddsa tiegħu.
Flimkien, tnejn tnejn, fl-għarfien tiegĦu, il-veru tama tagħna. Għal lum, għal għada, għal futur u għall-eternità. Lilu kull ġieħ, kull barka u kull sebħ. Kull ġid ġej minnu. Amen. Amen.