Binja tal-Provinċja tagħna se tkun qed tintuża bħala akkomodazzjoni għall-istudenti u l-qraba ta’ pazjenti Għawdxin, hekk kif intlaħaq ftehim bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Provinċja. Villa Lauri tinsab f’Birkirkara se tinbidel f’post ta’ akkomodazzjoni għall-istudenti u l-qraba ta’ pazjenti Għawdxin.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministeru għal Għawdex, ħabbret li ntlaħaq ftehim mal-kommunità tal-Patrijiet Franġiskani Minuri għall-perjodu ta’ 15-il sena. L-akkomodazzjoni se jkollha spazju għal 33 persuna.
Caruana ddeskriviet l-proġett bħala wieħed ambizzjuż u saħqet dwar l-importanza li jitaffew l-piżijiet tal-istudenti u l-qraba ta’ dawk li jkunu rikoverati fl-isptar. Il-Ministru spjegat kif il-Ministeru se jkun qed jitkellem mal-Università ta’ Malta dwar l-istudenti biex ikun żgurat post għal min l-iktar għandu bżonn jew jinsab f’sitwazzjoni ta’ emerġenza. Saħqet li li ma tixtieqx tara huma timbri fuq dawk l-istudenti li beħsiebu jagħmlu użu mill-post. Hi spjegat kif sitwazzjoni ta’ emerġenza tista’ tkun bħal meta s-sid tal-appartament jitlob lill-istudenti joħroġu fiż-żmien ġimgħa biex isir xogħol ta’ rinovar, fost oħrajn.
Il-perit preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet spjega kif diġà saru l-pjanti tal-post filwaqt li tħejjew it-tenders neċessarji, filwaqt li l-applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar mistenniha tiġi deċiża fil-ġimgħat li ġejjin. Saħaq li ladarba tiġi approvata jibdew ix-xogħlijiet fuq is-sit biex b’hekk il-proġett jitlesta sal-aħħar ta’ din is-sena jew fil-bidu tas-sena d-dieħla.
Kompla jiġi spjegat li hemm bżonn ta’ diversi interventi hekk kif hemm soqfa kkundanti. Il-Perit qal ukoll li l-post se jkun aċċessibbli għal min juża siġġu tar-roti, kif ukoll se jkun hemm taraġ tal-emerġenza. Qal ukoll li l-post se jiġi rranġat f’diversi studio apartmentsbis-sodod u kmamar tal-banju u kċina. Dawk il-kmamar li se jkunu sodod biss, se jkollhom kċina komuni.