News

April 03, 2017
Tiġi fi tmiemha ż-Żjara Franġiskana

Kull bidu fih it-tmiem! U anke din l-esperjenza taż-Żjara Franġiskana ġiet fi tmiemha l-Ħadd 2 ta’ April b’quddiesa kkonċelebrata minn P. Walter Vassallo OFM koordinatur ta’ din iż-żjara fil-Parroċċa Maria Annunzjata Ħal-Tarxien.P. Walter radd ħajr lil Alla ta’ din l-esperjenza, kif ukoll lil dawk kollha li taw is-sehem tagħhom biex kollox ikun jista’ jimxi kif pjanat: lil Patrijiet, diversi kongregazzjonijiet ta’ sorijiet Franġiskani, Klarissi li kienu qegħdin jitolbu għas-suċċess ta’ din iż-żjara kif ukoll l-OFS.

F’egħluq iż-żjara l-missjunarji permezz ta’ rit zgħir reġgħu irritornaw it-TAU  lil Kappillan (il-mandat li hu kien tahom fil-bidu taż-żjara).  Il-Kappillan Fr. Michael Bellizzi minn naħa tiegħu rringrazzja lil missjunarji tal-preżenza tagħhom fil-parroċċa u wiegħed it-talb tiegħu u tal-parruċċani biex il-ġid li sar ikompli.

Iż-Żjara Franġiskana bdiet is-Sibt 25 ta’ Marzu permezz ta’ quddiesa mill-Kappillan li matulha ta l-mandat. Matul il-ġimgħa umbagħad saru diversi quddies u qrar mill-patrijiet. Saru laqgħat għal-ġenituri għal dawk li ser jagħmlu l-ewwel tqarbina u l-griżma. Kull filgħaxija saret it-talba tal-Għasar. Saru ukoll Lectio Divina fil-familji, laqgħat fil-Każini u laqgħat mal-leaders taż-ZAK. Il-Ġimgħa ġie ċċelebrat Penitenzjal u s-Sibt laqgħa Soċjali man-nies tal-Parroċċa, imma fuq kollox iż-żjajjar fid-djar.

Nieħdu l-okkażżjoni biex nirringrazzjaw lill-Kappillan u lill-poplu ta’ Ħal Tarxien tal-akkoljenza li tawna matul din il-ġimgħa.  Żgur li se nibqgħu ngħożżu dan il-mument speċjali fil-qalb tagħna. Inkomplu nitolbu għal xulxin.